Il-Prinċep Harry tal-Ingilterra u martu tal-futur, Meghan Markle, illum kellhom l-ewwel impenn pubbliku uffiċjali bħala koppja fil-belt ta’ Nottingham.
Harry u Meghan, attriċi Amerikana, għandhom jiżżewwġu fil-Kastell ta’ Windsor f’Mejju li ġej u fl-aħħar sigħat huma ltaqgħu ma’ folol ta’ nies li ħarġu jawgurawlhom.
Il-koppja, intant, segwiet programm li kien jinkludi żjara f’wirja għall-karità fl-okkażjoni ta’ World Aids Day. Harry u Meghan qattgħu l-għodwa f’din il-fiera — organizzata mit-Terence Higgins Trust– u wara huma ltaqgħu mal-għalliema u l-istudenti fl-Akkademja ta’ Nottingham.
Il-Prinċep Harry, li ħabbar l-engagement tiegħu lil Meghan nhar it-Tnejn, fil-passat kien għamel żmien jgħix f’Nottingham fejn studja issues marbuta mal-vjolenza fost iż-żgħażagħ. Fl-2014, hu kien waqqaf il-Full Effect programme bil-għan li titrażżan il-vjolenza f’dik il-belt partikulari.
Il-Prinċep kien kuntent ħafna li seta’ jintroduċi lil Meghan Markle lill-komunità ta’ Nottingham ‘li hi speċjali ħafna għalih’, b’din il-koppja tagħmilha punt li titkellem mal-akbar ammont ta’ nies possibbli.
Intant, ir-residenti tal-belt li ltaqgħu mal-koppja kollha esprimew ferħ ‘u sens ta’ unur talli Harry u Meghan għażlu lil Nottingham għall-ewwel impenn uffiċjali tagħhom’.
//= $special ?>


