Sport Sport Ieħor

Kollox lest biex il-Ħadd l-aqwa plejer fl-istorja tal-futsal jilgħab f’pajjiżna

Falcao se jkun f'pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa

Il-Ħadd li ġej fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin se tkun organizzata partita ta’ ħbiberija ta’ importanza kbira bejn Maritime Augusta u selezzjoni ta’ plejers mill-kampjonat lokali tal-FMA. Iżda dan l-avveniment se jkun speċjali l-aktar għaliex f’din il-logħba se jkun inkluż il-leġġenda internazzjonali tal-futsal Falcao, meqjus bħala l-aqwa fid-dinja fl-istorja tal-isport tiegħu. Hu se jkun akkumpanjat minn plejer ieħor il-plejer tat-tim nazzjonali Brażiljan Leandro Lino li se jkun il-mistieden speċjali ta’ din il-logħba.

Falcao hu l-aqwa skorer fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja tal-futsal b’total ta’ 48 gowl. Hu rebaħ l-aqwa plejers tat-tournament fit-Tazza tad-Dinja tal-2004 u l-2008 u kien strumentali biex il-Brażil rebħu t-Tazza tad-Dinja fl-2008 u l-2012. Mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu, Falcao lagħab 201 logħba u skorja 339 gowl.

Maritime Augusta huma tim emerġenti fis-Serie B Taljana li qed jinvestu ħafna fil-futsal. Riċentament huma saħħew it-tim bl-introduzzjoni tal-kowċ ta’ esperjenza Eduardo Garcia u l-internazzjonali Spanjol Jose Miguel Ruiz Cortes.

Id-Direttur ta’ dan l-avveniment Mark Borg esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li laħqu dan il-ftehim ma’ Maritime Augusta biex jinkludu lil Malta fit-tour promozzjonali ta’ Falcao. “Dan l-avveniment se jgħin il-logħba biex tkompli tikber f’Malta u tagħti l-opportunità lid-dilettanti biex jiltaqgħu mal-idolu tal-futsal.”

Il-biljetti se jinbiegħu mad-dħul għal €15 u tfal bejn it-tmien snin u t-12-il sena jħallsu €10. Il-Padiljun jinfetaħ fil-5.00pm.

Is-selezzjoni Maltija se tinkludi taħlita ta’ plejers lokali u barranin li jilagħbu fil-kampjonat. Kevin Mifsud li fil-passat kien kowċ tat-tim nazzjonali nħatar biex jagħżel l-iskwadra. Il-plejers magħżula huma:

Matthew Xerxen (Luxol), Stefan Vella (Valletta), Gary Inguanez (Università ta’ Malta), Celino Alves (Luxol), Jovica Milijic (Valletta), Alexander Tomin (Ħamrun), Rogerio dos Santos Filho (Luxol), Melvin Borg (Valletta), Gian Carlo Sammut (Luxol), Everton ‘Veve’ dos Santos (Ħamrun), Mark Zammit (Luxol), Jose Maria Aguilera Castellano (Università ta’ Malta)

Tags