“Taċċettaw qatt l-affarijiet kif inhuma, kunu inthom li taspiraw għall-bidla u aħdmu u stinkaw biex dak li temmnu li hu sew, iseħħ.”
Dan kien messaġġ ta’ ispirazzjoni mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia lit-tfal u żgħażagħ minn skejjel sekondarji differenti li pparteċipaw fil-Parlament taż-Żgħażagħ u għaddew numru ta’ mozzjonijiet kontra l-vjolenza domestika.
“Sfidaw kollox. Sfidaw il-ħsibijiet. Taċċettawx kollox kif inhu. Tkellmu, argumentaw u jekk hemm affarijiet li ma jogħġbukomx, biddluhom. Tistennewx lid-dinja tinbidel waħidha, imma kunu inthom li tbiddlu d-dinja,” appellalhom il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Wissihom ukoll biex ma jibqgħux passivi fil-konfront tal-vjolenza domestika. “Ieqfu għall-abbużi. Taċċettawx imma tkellmu għaliex l-ikbar għadu li ma jħalliniex negħlbu l-vjolenza, hu s-skiet.”
Din l-attività mhux biss wasslet biex huma jidduskutu suġġett tant sensittiv u importanti, imma wkoll ispirat lil oħrajn biex huma wkoll jaspiraw li jilħqu mexxejja ta’ pajjiżna.
//= $special ?>
