Internazzjonali

L-Arġentina: It-tfittxija għas-sottomarin tgħaddi għal fażi ġdida

 

Il-qawwiet tal-baħar tal-Arġentina kkonfermaw li ‘inbidlet il-fażi’ tat-tfittxija għas-sottomarin tagħhom li għeb ġimgħatejn ilu, b’ekwipaġġ ta’ 44 membru. Kelliema għan -Navy, issa, qalu li filwaqt li ma setgħux jikkonfermaw id-destin tal-ekwipaġġ, baqgħu ma nstabux provi ta’ xi fdalijiet tas-sottomarin fiz-zoni fejn saret it-tfittxija.

Issa, il-missjoni tan-Navy – li tinvolvi numru ta’ bastimenti u sottomarini oħrajn – qed tikkonċentra ‘biss’ fuq il-kaċċa għas-sottomarin proprju f’qigħ il-baħar, u f’lokalità li l-awtoritajiet jaħsbu li setgħet kienet ‘l-aħħar waħda’ tal-inġenju.

In-Navy tal-Arġentina kkonfermat li abbandunat it-tentattivi biex issalva lill-membri tal-ekwipaġġ mitluf, bil-Kaptan, Enrique Balbi, jgħid li ma kienx possibbli għalihom li jsibu s-sottomarin – bl-isem ARA San Juan – minkejja l-isforzi kbar li saru.

L-aħħar darba li kien hemm xi kuntatt mas-San Juan kienet nhar l-Erbgħa, il-15 ta’ Novembru. Intant, spiċċaw it-tamiet li jinstabu xi ħajjin mis-sottomarin wara rapporti dwar ‘suspettata splużjoni’ mill-aħħar lokalità indikata.

Il-Kaptan Balbi qal li t-tfittxija għas-sottomarin kienet ‘estiża għal aktar mid-doppju tal-ġranet li jiddeterminaw il-possibbiltajiet li jsalva ekwipaġġ f’dawn iċ-ċirkustanzi’. Il-kummenti rreferew għall-perjodu taż-żmien ikkalkulat fejn ekwipaġġ ta’ sottomarin jista’ jittama li jgħix f’sitwazzjoni tipika.

Is-sottomarin San Juan kien qed jirritorna minn missjoni rutina lejn zona mbiegħda tal-Amerika t’Isfel meta l-ekwipaġġ irrapporta ‘problemi fis-sistema tal-elettriku’. Ir-rapporti qalu li s-sottomarin tela’ f’wiċċ il-baħar u għadda messaġġ li kien inqala’ short circuit fil-batteriji. Il-kmand tal-qawwiet tal-baħar imbagħad ordnaw lis-sottomarin biex itemm il-missjoni u jirritorna mal-ewwel lejn il-bażi navali f’Mar del Plata.

Fl-aħħar kuntatt mas-sottomarin, il-kaptan tas-San Juan kien ikkonferma ‘li l-ekwipaġġ kollu tiegħu kien qawwi u sħiħ’.

Intant, l-aħbar, ftit jiem ilu, dwar ‘l-isplużjoni suspettata’ fuq is-sottomarin’ twasslet lill-qraba tal-baħrin nieqsa li kienu ilhom jistennew għall-iżviluppi fil-bażi ta’ Mar del Plata. Dawn il-qraba kellhom reazzjoni rabbjuża għal dan waqt li akkużaw lill-uffiċjali tan-Navy li gidbuhom u ħallewhom jittamaw għal xejn.