L-Imperatur Akihito kkonferma li se jabdika mit-tron tal-Ġappun fit-30 ta’ April tal-2019, b’din id-deċiżjoni qed timmarka t-tmiem ta’ era imperjali għall-Ġappuniżi.
Il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, ħareġ b’din l-aħbar importanti ftit wara li seħħet laqgħa bejn il-Gvern u panel irjali biex jiddiskutu ż-żmien tal-abdikazzjoni.
L-Imperatur, li għandu 83 sena, kien qal, fl-2016, li saħħtu u ‘iż-żmien avvanzat tiegħu’ kienu se jagħmluhielu diffiċli biex ikompli jaqdi d-doveri tiegħu.
Fil-fatt, iż-żmien tal-abdikazzjoni – li hi l-ewwel proċess ta’ dan it-tip f’aktar minn żewġ sekli – kien ilu suġġett għal dibattitu u spekulazzjoni fil-Ġappun.
Wara t-30 ta’ April tal-2019 għandu jilħaq immedjatament bħala Imperatur ġdid, il-Prinċep Naruhito, bħala l-eredi naturali ta’ Akihito. Is-suċċessjoni għandha ssir fl-Ewwel ta’ Mejju ta’ dik is-sena, bl-avveniment jiftaħ is-siparju għall-era imperjali ġdida.
L-Imperatur Akihito, li għadda minn kirurġija tal-qalb u li kien anki trattat għal kanċer fil-prostata, ilu jokkupa t-tron tal-Ġappun mill-mewt ta’ missieru, l-Imperatur Hirohito, fl-1989.
Il-Gvern Ġappuniż, din is-sena, ħa l-inizjattiva biex jgħaddi abbozz ta’ liġi li permetta għall-abdikazzjoni ta’ Akihito, iżda din kienet ‘leġislazzjoni ta’ darba’ li ma tippermettix lil Naruhito jew lis-suċċessuri tiegħu biex jieħdu l-istess pass.
L-Imperatur tal-Ġappun ma għandu l-ebda poteri politiċi, iżda jinvolvi ruħu f’diversi doveri uffiċjali, li jinkludu laqgħat mal-barranin distinti.
Il-monarkija tal-Ġappun tibbaża fuq ir-reliġjon ta’ Shinto u l-Imperatur għadu sallum imexxi ċ-ċerimonji reliġjużi f’pajjiżu.
//= $special ?>

