L-MEPs tal-Partit Laburista – Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi – għażlu li jastjenu minn wieħed mill-aktar voti importanti li ħa l-Parlament Ewropew waqt seduta Plenarja fi Brussell.
Fost il-voti li ttieħdu , il-Parlament Ewropew ivvota dwar il-Budget 2018, f’dak li qed jitqies bħala pass importanti biex tiżdied l-allokazzjoni finanzjarja għal diversi programmi importanti li jgawdu dirett minnhom iċ-ċittadini Ewropej, inkluż dawk Maltin.
Fil-fatt, l-MEPs tal-Partit Laburista ngħaqdu mal-MEPs Soċjalisti li l-maġġoranza assoluta tagħhom astjenew minn dan il-vot tant importanti. Minn naħa tagħhom, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech ivvutaw favur li jiġi approvat il-budget għas-sena d-dieħla, u dan biex iċ-ċittadini ta’ Malta jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi Ewropej matul is-sena d-dieħla.
Il-budget tal-Unjoni Ewropea għas-sena d-dieħla hu ta’ €160 biljun. Dan ifisser żieda ta’ 0.2% meta mqabbel mal-budget ta’ din is-sena. Ilbieraħ ukoll, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva dan il-budget biex b’hekk issa, l-budget ġie approvat f’kull stadju li hemm bżonn. Il-prijoritajiet ta’ dan il-budget huma l-investiment fil-kompetittività, l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku. Fil-fatt, setturi bħall-programm Horizon 2020 – li jiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni – qed jara żieda ta’ 8.4% fil-budget meta mqabbel ma’ din is-sena.
Interessanti wkoll il-flus allokati għaż-żgħażagħ. Fil-fatt, il-programm Erasmus+ se jkollu żieda ta’ 12.1% għal total ta’ €2.3 biljun. Anke l-Youth Employment Initiative qed tingħata €350 miljun biex tgħin iżżid il-possibilitajiet li ż-żgħażagħ isibu impjieg.
Parti mill-budget qed tiġi allokata wkoll għall-immigrazzjoni u l-isfidi relatati mas-sigurtà, b’żieda ta’ 8.9% għal total ta’ €940 miljun. Dawn se jmorru essenzjalment biex jissaħħu aġenziji bħall-Europol, il-Eurojust u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil, l-EASO, li jinsab Malta.
Deċiżjoni politika importanti li ittieħdet f’dan il-budget hi dik li jitnaqqsu l-fondi lit-Turkija, li minħabba s-sitwazzjoni dwar id-demokrazija, s-saltna tad-dritt u l-libertà tal-media, se jkollha tnaqqis ta’ €105 miljun, b’€70 miljun li se jkunu qed jinżammu sakemm il-pajjiż jagħmel titjib sostanzjali f’dawn it-temi tant importanti.
//= $special ?>