Lokali

Muscat għandu jordna liċ-Chief of Staff tiegħu

Joseph Muscat għandu l-obbligu legali u morali li jaħdem favur il-ġid komuni tan-nazzjon

In-Netwerk tas-Socjetà Ċivili jippretendi li l-Prim Minsitru Joseph Muscat ikun fidil lejn il-ġurament li ħa li jaqdi d-doveri tiegħu bħala l-KAP tal-POTER EŻEKUTTIV ta’ pajjiżna mingħajr BIŻA’ jew FAVUR.

Fi stqarrija n-Network qal illi jistenna li llum l-Prim Ministru jaħti ordni preċiż u inekwivoku liċ-Chief of Staff tiegħu s-Sur Keith Schembri sabiex jiltaqa’ mal-Membri Parlamentari Ewropej li jinsabu fostna u jwieġeb pjenament u bil-fomm għall-mistoqsijiet li jagħmlulu.

In-Netwerk tas-Socjetà Ċivili jfakkar lill-Prim Ministru Joseph Muscat li hu għandu l-obbligu legali u morali li jaħdem favur il-ġid komuni tan-nazzjon tagħna u għalhekk iħeġġu sabiex f’dan il-mument kritiku fil-ħajja ta’ ġensna jpoġġi l-interess tagħna lkoll u tal-ġenerazzjonijiet futuri ta’ pajjiżna qabel l-interessi moħbija tal-ftit.

Nhar il-Ħadd fl-4pm in-Netwerk tas-Socjetà Ċivili ser ikun qiegħed jorganizza dimostrazzjoni għall-ġustizzja fil-Belt Valletta.

Il-kelliem ewlieni fid-dimostrazzjoni ser ikun l-eks Maġistrat kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro. Il-pubbliku hu mħeġġeġ jiltaqa’ quddiem il-Qorti sabiex imbagħad ilkoll nimxu sal-pjazza ta’ quddiem il-Parlament, fejn isseħħ id-dimostrazzjoni.