Edukazzjoni Lokali Unjoni Ewropea

Zammit Dimech u studenti Maltin jaqsmu l-esperjenza u l-isfidi tal-Erasmus+ mal-Kummissjoni Ewropea waqt l-attività tat-30 sena anniversarju

Irridu nassiguraw li jsir aktar faċli biex studenti u żgħażagħ jipparteċipaw fil-programm Erasmus+, u dan għaliex aktar ma tissaħħaħ din il-parteċipazzjoni, aktar tissaħħaħ l-Ewropa. Hu għalhekk li rridu ngħelbu l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-istudenti u ż-żgħażagħ b’rabta ma’ dan il-programm. L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan waqt li kien qed jipparteċipa fil-panel ta’ diskussjoni dwar il-futur tal-Erasmus+ li kienet qed tiċċelebra t-30 sena anniversarju mit-twaqqif ta’ dan il-programm.

Matul l-aħħar jumejn, Zammit Dimech laqa’ 12-il student u studenta Maltin li jistudjaw suġġetti differenti, fosthom dawk li qed jistudjaw biex isiru infermiera, antropoloġisti, l-filosofija, l-liġi, ħidma soċjali, l-kommunikazzjoni, s-saħħa kif ukoll l-inġinerija. Dawn l-istudenti ħadu sehem fil-programm Erasmus+ f’pajjiżi differenti madwar l-Ewropa, fosthom il-Bulgarija, l-Fillandja, l-Portugall, il-Polonja, l-Italja, Franza u r-Renju Unit.

Waqt laqgħa fil-Parlament Ewropew mal-MEP Francis Zammit Dimech, l-istudenti qasmu l-esperjenzi tagħhom u anke l-isfidi li ffaċċjaw kemm qabel il-programm Erasmus+, kif ukoll qabel u wara, fost l-oħrajn problemi bis-servizzi tal-akkomodazzjoni, nuqqas ta’ kommunikazzjoni bejn l-istudenti u l-istituti li jkunu qed jospitaw lill-istess studenti, kif ukoll burokrazija fl-istadju ta’ applikazzjoni. L-istudenti enfażizzaw ukoll il-bżonn li jiżdied l-investiment fil-promozzjoni ta’ dan il-programm kif ukoll opportunitajiet oħra b’fondi Ewropej għaż-żgħażagħ.

Zammit Dimech qal li hu jemmen ħafna fl-għanijiet ta’ dan il-prorgamm li jirriflettu l-valuri li hi bbażata fuqhom l-Unjoni Ewropea. Hu rrefera għall-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament Ewropew li wkoll kien ibbażat fuq dan is-suġġett, u li matulu hu ħa l-opportunità biex jaqsam mal-Kummissjoni Ewropea l-isfidi li qed jiffaċċjaw entitajiet lokali f’dak li għandu x’jaqsam mal-Erasmus+. Dawn jinkludu l-burokrazija għall-istituzzjonijiet edukattivi, dewmien fil-proċessi tal-applikazzjoni, nuqqas ta’ rikonoxximent għall-istudji li jkunu saru fl-Erasmus kif ukoll nuqqas ta’ għarfien dwar kif wieħed jista’ jakkwista dawn il-fondi.

Hu fakkar li bħala membru fil-Kumitat dwar il-Kultura u l-Edukazzjoni, hu kien insista, flimkien mal-kollegi tiegħu, biex il-Multi Financial Framework li jmiss għandu jassigura aktar fondi għall-Erasmus+ u jittieħdu l-passi neċessarji biex l-impatti li l-Brexit jistgħu jħallu fuq dan il-programm ma jinħassux.

Matul iż-żjara tagħhom fi Brussell, l-istudenti Maltin kellhom l-opportunità li jpoġġu momento mill-esperjenza tagħhom waqt l-Erasmus+ f’time capsule apposta li se tiġi inawgurata 10 snin oħra, fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mit-twaqqif ta’ dan il-programm. Matul l-attività, ħadu sehem ukoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Jyrki Katainen u l-Kummissarju Tibor Navracsics.