Għall-ħabta tal-11:10pm tal-Ġimgħa nħasset theżżiża qawwija f’diversi nħawi f’pajjiżna. Kienu d-diversi lokalitajiet li ħassew it-theżżiża li wasslet ukoll biex diversi nies ħarġu jaraw x’kien ġara barra. Kollox kien jindika li t-terremot seħħ qrib Sqallija.
Dalgħodu l-Malta Seismic Network qal li t-terremot b’qawwa ta’ 3.2 kien irrekordjat fil-11.11pm, u li kien segwit b’żewġ theżżiżiet iżgħar ftit tal-ħin wara b’qawwa ta’ 2.4 u 2.3.
Skont siti Taljani, irriżulta li ftit qabel inħasset it-theżżiża f’pajjiżna jidher li seħħ terremot fil-Baħar Jonju, qrib ix-xatt li hemm fl-inħawi bejn Katanja u Siracusa fi Sqallija. Dan fuq l-iskala richter kien ta’ qawwa ta’ 2.4 f’fond ta’ 23 kilometru.
Mit-tagħmir ta’ moniteraġġ tal-attività seżmika li jintuża mill-Università ta’ Malta jirriżulta li bħalissa fil-Baħar Mediterran, madwar il-gżejjer Maltin qed iseħħ ċaqlieq kontinwu tant li lbieraħ seħħ terremot ta’ qawwa 5.9 fuq l-iskala richter fil-Libja u l-Ħamis kien reġistrat terremot ieħor ta’ qawwa 4.4 fuq l-iskala richter qrib Ċipru.
//= $special ?>