#muscatgate Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

David Casa jiżvela li l-FIAU ħbiet rapport li jgħid li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra Konrad Mizzi

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa żvela li l-FIAU – l-aġenzija li tinvestiga l-ħasil ta’ flus – ħbiet rapport li ġie konkluż f’Marzu li għadda u li jgħid li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi.

Fi stqarrija, David Casa qal li jinsab fil-pussess ta’ rapport tal-FIAU – li kkonferma l-awtentiċità tiegħu – li jikkonkludi li għandhom jibdew investigazzjonijiet kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi fuq akkużi ta’ allegat ħasil ta’ flus u l-possibilità ta’ flus ġejjin mill-kriminalità.

“Naf li r-rapport ilu lest minn Marzu li għadda, iżda minkejja li għaddew tmien xhur, r-rapport baqa’ moħbi għand l-FIAU,” sostna David Casa. Hu qal li din hi evidenza – jekk qatt kien hemm bżonnha – tal-falliment tas-saltna tad-dritt u tal-ħtif politiku ta’ istituzzjoni oħra f’pajjiżna.

Hu sostna li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jinsabu maħtufa mill-Gvern, u għalhekk m’għandhom ebda poter. B’mod partikolari hu rrefera għall-FIAU li hi mmexxija mill-Avukat Ġenerali Peter Grech u mid-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li hu miżżewweġ lill-Ministru Justyne Caruana.

David Casa żvela wkoll li waqt laqgħa tad-delegazzjoni tal-MEPs fil-jiem li għaddew, ir-rappreżentanti tal-FIAU gidbu dwar dan ir-rapport għax qalu li hu biss ‘working document’ meta huma jafu li r-rapport ilu konkluż numru ta’ xhur. Dan hu eżempju ieħor ta’ kemm l-FIAU tinsab maħtufa minn dan il-Gvern, qal Casa.

Minbarra l-konklużjonijiet gravi fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, dan l-istess rapport jasal għal konklużjonijiet oħra fil-konfront ta’ individwi oħra, kumpaniji, intermedjarji finanzjarji u bank – li kollha huma magħrufin għad-deals li saru min-nies viċin Joseph Muscat.

Fl-istqarrija, David Casa nsista li minħabba l-gravità tar-rapport, qed isejjaħ lill-FIAU, b’mod partikolari liċ-Chairman tagħha l-Avukat Ġenerali Peter Grech, lill-Ministru Edward Scicluna li hu politikament responsabbli mill-FIAU, u lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex b’mod immedjat jippubblikaw dan ir-rapport tal-FIAU, jibdew jittieħdu l-passi kriminali kontra Konrad Mizzi, u tintrefa’ r-responsabbiltà politika għall-fatt li ma ttieħdux passi qabel.

David Casa qal: “Qed nagħmilha ċara li jekk ma jittieħdu ebda passi, jien ma jibqgħali ebda għażla oħra ħlief li nieħu l-affarijiet b’idejja biex nassigura li ssir ġustizzja.”

Hu sostna li l-fatt li biex il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport isiru pubbliċi, kellu jasal għandu juri kemm is-saltna tad-dritt taħt Joseph Muscat spiċċat – xi ħaġa li qed tagħmel ħsara kbira lil pajjiżna. Il-fatt ukoll li Joseph Muscat iddefenda b’saħħa kollha, u żamm miegħu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi għal dawn l-aħħar tmintax-il xahar juri kemm hu ħaġa waħda magħhom.

David Casa qal li din il-ħsara qed issir minn Joseph Muscat u li hu responsabbli għaliha. Turi wkoll, sostna Casa, li Muscat mhux tajjeb biex imexxi l-pajjiż.

Wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, sostna l-MEP tal-Partit Nazzjonalista, ma nistgħux nibqgħu nagħlqu għajnejna. “Flimkien mal-kollegi tiegħi, jien kommess li nagħmel il-parti tiegħi biex nassiguraw li l-ġustizzja u s-saltna tad-dritt jerġgħu jibdew jirrenjaw f’pajjiżna,” temm jgħid David Casa.