Internazzjonali

Il-Honduras: Poteri lill-Armata biex trażżan l-inkwiet

L-awtoritajiet fil-Honduras ikkonfermaw aktar poteri lill-Armata u l-pulizija biex huma jrażżnu l-inkwiet, wara l-protesti vjolenti li segwew l-elezzjoni polemikuża tal-Ħadd għall-Presidenza tal-pajjiż.

L-Uffiċjali lokali qalu li ‘il-garanziji kostituzzjonali’, għalissa,  jinsabu sospiżi, bl-awtoritajiet anki jimponu curfew għal ċerti ħinijiet. Aktar qabel, kienet waqgħet lura l-pubblikazzjoni tar-riżultati elettorali wara li Salvador Nasralla, il-kandidat ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Presidenza, insista biex 5,000 kaxxa tal-voti jkunu suġġetti għal recount. Nasralla, intant, qed jgħid li ‘jista’ jipprova li seħħet il-frodi’ waqt l-elezzjoni.

Id-dimostrazzjonijiet vjolenti ilhom fil-Honduras minn wara l-elezzjoni u ħallew talanqas persuna mejta u għexieren ta’ midruba. Il-qawwiet tas-sigurtà, fl-aħħar sigħat, sparaw il-gass tad-dmugħ lejn folol ta’ dimostranti tal-Oppożizzjoni li ħarġu jipprotestaw qrib iċ-ċentru fejn kellhom jitħabbru r-riżultati elettorali. Intant, id-dimostranti mblukkaw numru ta’ toroq prinċipali filwaqt li taw in-nar lill-vetturi.