Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista għandu obbligu li jipproteġi lil pajjiżna” – il-Kap tal-PN Adrian Delia

“Il-Partit Nazzjonalista mhux se jibqa’ sieket quddiem Gvern li qed jaqbeż il-linja u jindaħal fejn ma jistax bil-konsegwenza li ġab lil pajjiżna bħala wieħed mhux normali.”

Stqarr dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li kien qed jindirizza lill-kunsielliera tal-Partit Nazzjonalista waqt konferenza organizzata mill-Kulleġġ Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista.

Il-kummenti tiegħu saru fid-dawl taż-żjara ta’ grupp ta’ Membri Parlamentari Ewropej mill-Kumitat LIBE li ltaqgħu ma’ numru ta’ awtoritajiet u membri tas-soċjetà ċivili bħala parti minn investigazzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.

Fost il-kummenti tagħhom, il-membri ta’ dan il-kumitat iddikjaraw li huma iktar inkwetati minn qatt qabel dwar is-saltna tad-dritt f’Malta u li raw nuqqas ta’ rispett lejn il-liġi kif ukoll nuqqas ta’ rieda li ssir investigazzjoni dwar il-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fid-dawl ta’ dan Adrian Delia staqsa għaliex il-Prim Ministru ma jridx ineħħi mill-kariga lill-Kummissarju tal-Pulizija u minn xiex qed jibża’ jekk dan jitneħħa mill-kairga, tant li ssemma’ speċifikament mill-Membri Parlamentari Ewropej. L-istess għall-Avukat Ġenerali, li ma jistax jibqa’ jabdika mid-doveri tiegħu.