Kunsilli Lokali Lokali

Kunsillier Lokali tal-Partit Laburista sfurzat jirriżenja – imorru d-dar tas-Segretarju bil-lejl

Xellug: Alfred Grima, Lemin: Matthew Barbara
Il-Minority Leader tal-Partit Laburista f'San Pawl il-Baħar imur id-dar tas-Segretarju filgħaxija biex jippreżenta r-riżenja f'isem Kunsillier ieħor

Il-Kunsillier Lokali Laburista ta’ San Pawl il-Baħar Matthew Barbara ġie sfurzat jirriżenja fis-satra tal-lejl li għadda – dan hekk kif il-Minority Leader tal-Partit Laburista Alfred Grima mar jiġri jippreżenta r-riżenja f’isem Barbara matul il-lejl u personalment id-dar tas-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali.

NET News jista’ jiżvela li lbieraħ filgħaxija Alfred Grima mar Ħal Qormi sad-dar tas-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali biex jippreżenta l-ittra tar-riżenja tal-Kunsillier Lokali tal-Partit Laburista Matthew Barbara. Madanakollu, minkejja li l-ittra ġiet milqugħa, is-Segretarju Eżekuttiv ma laqgħetx it-talba tar-riżenja hekk kif ma kienx il-Kunsillier Matthew Barbara li mar b’din l-ittra personalment kif suppost isir.

Għalhekk dalgħodu Matthew Barbara ġie sfurzat mill-Partit Laburista sabiex imur jippreżenta l-ittra tar-riżenja tiegħu personalment il-Kunsill Lokali, fejn saħansitra kellu jieħu siegħa leave mix-xogħol biex ikun jista’ jagħmel dan.

L-istess Minority Leader Alfred Grima mar iwassal lill-Kunsillier Matthew Barbara biex jagħti l-ittra tar-riżenja u baqa’ jistennieh kantuniera bogħod, biex ma jagħtix fil-għajn, iżda fl-istess waqt jaċċerta li l-ittra kien għaddiha lill-Kunsill Lokali.

NET News ipprova jagħmel kuntatt mal-Kunsillier Lokali Matthew Barbara li spiċċa vittma tal-kumplott mill-Kunsilliera Laburisti ta’ San Pawl il-Baħar. Madanakollu stqarr li hu rriżenja għal raġunijiet personali. Dan minkejja li NET News għandu informazzjoni li hu ġie sfurzat jirriżenja għax minflok jimxi mal-linja tal-Partit Laburista, hu jivvota u jaħdem għall-ġid tal-lokalita’.

Il-Kunsillier Matthew Barbara wasal fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali bl-ittra tar-riżenja tiegħu għall-ħabta tal-10am.

Aktar tard, il-Minority Leader Laburista Alfred Grima fuq Facebook ċaħad ir-rapport u stqarr li l-involviment tiegħu hi gidba. Madanakollu aħna qegħdin nippubblikaw ritratt li juri lill-Kunsillier Matthew Barbara miexi lejn il-karozza ta’ Grima li tidher wara l-kantuniera qegħda tistennih eżattament wara li mar il-Kunsill Lokali bl-ittra tar-riżenja: