Lokali Turiżmu

L-Air Malta tirreġistra telf għal darb’oħra – tliet darbiet akbar minn dak tas-sena l-oħra

Il-laqgħa ġenerali annwali tal-Air Malta
Il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li se tinfetaħ kumpanija separata li minnha se joperaw servizzi li bħalissa toffri l-Air Malta

Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta rreġistrat telf ta’ €13.1 miljun ewro – dan ifisser żieda ta’ aktar mit-tripplu ta’ telf li għamlet is-sena ta’ qabel, hekk kif fis-sena 2015/16 li tagħlaq f’Marzu, għamlet telf ta’ €4.3 miljun ewro.

Mistoqsi minn NET News dwar x’kienet ir-raġuni għal din iż-żieda fit-telf, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li dan seħħ minħabba telf fil-hedging tal-fuel li sar tliet snin ilu. It-telf f’dan l-investiment seħħ hekk kif l-Air Malta xtrat il-fuel bil-għoli fl-2014 meta mqabbel mal-prezz tal-fuel fuq is-suq. Ta’ min jinnota li fl-2014 il-prezz taż-żejt kien qiegħed jinżel wara l-livelli rekord li kien leħaq matul il-kriżi internazzjonali finanzjarja. Fattur ieħor li wassal għat-tkabbir fit-telf rreġistrat kien it-tnaqqis fi dħul mill-bejgħ tat-titjiriet tal-kumpanija. Dan minkejja żieda fl-ammont ta’ bejgħ ta’ biljetti tal-ajru.

Il-perjodu li fih sar il-hedging, il-prezz beda jonqos

Matul il-laqgħa ġenerali annwali tal-Air Malta, tħabbar ukoll li hekk kif il-Gvern ma jistax jibqa’ jissussidja lill-kumpanija Air Malta minħabba r-restrizzjonijiet finanzjarji – ġie żvelat il-pjan li se tinfetaħ kumpanija separata li se tiffoka biss fuq setturi speċifiċi bħal fost l-oħrajn ġarr ta’ bagalji u merkanzija, tgħabija ta’ bagalji u merkanzija, servizzi fuq l-ajruplan, u servizzi biex il-passiġġieri jitwasslu għal fuq l-ajruplan. Skont Konrad Mizzi u Charles Mangion din il-kumpanija separata se ssir għal żewġ raġunijiet: biex il-kumpanija tiffoka aktar fuq dawn is-setturi partikolari, u għal finijiet finanzjarji.

L-Air Malta wkoll se tgħaddi f’din il-kumpanija l-ġdida l-aħħar uniċi assi ta’ valur li fadlilha – l-islots tal-ajurplani fl-ajruporti ta’ Heathrow u Gatwick. Skont Charles Mangion hekk kif dawn l-investimenti jintefgħu f’din il-kumpanija l-ġdida tal-Gvern, ikun possibbli li jinkisbu fondi mill-ishma u l-Air Malta ma tibqax tiddependi fuq il-finanzjament tal-Gvern. B’hekk l-Air Malta se tgħaddi dawn l-assi importanti tagħha f’kumpanija oħra.

Iċ-Chairman tal-kumpanija Charles Mangion qal li flotta tal-kumpanija se tikber għal 9 ajruplani, bil-possibbiltà li titla għal 10. Dan minkejja li sentejn ilu l-kumpanija Air Malta diġà kienet topera b’10 ajruplani. Għal darb’oħra meta mistoqsi minn NET News dwar dan Charles Mangion qal li din il-mossa, iġifieri dik li minn 10 ajruplani l-flotta niżlet għal 8 ajurplani u issa hemm possibbiltà li terġa’ tiġi 10 f’sentejn biss, saret minħabba ristrutturar fil-kumpanija u skont direttivi mill-awtoritajiet Ewropej.

Il-kumpanija nazzjonali tal-ajru dan l-aħħar sabet intopp dwar il-ftehim kolletivi tal-ħaddiema. Filfatt, fil-laqgħa ġenerali annwali kien hemm preżenti wkoll il-President Emeritus George Abela li qed ikun ta’ medjatur bejn l-Air Malta u l-partijiet konċernati fil-ftehim kolletivi tal-ħaddiema. Mistoqsi mill-ġurnalisti, George Abela qal li jinsab kawt ħafna iżda ottimist li se jintlaħaq ftehim bejn il-linja nazzjonali tal-ajru u l-Assoċjazzjoni tal-Piloti ALPA, u mal-GWU dwar żewġ ftehim kollettivi oħra, dwar il-ground handling u ħaddiema oħra. Minn naħa l-oħra l-Ministru Konrad Mizzi qal li hu essenzjali li jintlaħaq ftehim sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Fost l-inzjattivi ġodda li l-Air Malta se tkun qed tembarka fuqhom, insibu kif se jiżdiedu seba’ rottot ġodda, fejn minn Malta se jibdew isiru titjiriet diretti lejn Lisbona, Malaga, Comiso, Casablanca, San Pietruburgu, Venezja, Kiev, u Manchester. Ukoll l-linja nazzjonali tal-ajru beħsibha tbiddel is-servizzi offruti online b’sistema ġdida, tikrea sistema telefonika għall-klijenti permezz ta’ sistema robotika, u kif ukoll jirrevedu s-servizz tal-ikel abbord l-ajruplan.

Fir-rigward tat-telf ta’ €13.1 miljun ewro li kisbet bejn Marzu 2016 u Marzu 2017 – il-Ministru Konrad Mizzi temm jgħid li l-mira tal-kumpanija hi li fis-sena finanzjarja li jmiss ma tibqax tagħmel telf.

It-tabella finanzjarja provduta mill-Air Malta