Is-Sibt filghodu fil-Knisja Arcipretali ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi sar il-Funeral ta’ Lino Mangion li nqatel bi żball nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Novembru waqt li kien għand Tapizzar f’Ħ’Attard.
Fi Knisja ppakjata, l-Arċipriet tal-Parroċċa, Dun Mario Mangion fl-Omelija sellem lil Lino Mangion u rringrazzjanh għax-xogħol siewi u volontier li kien jagħmel fil-parroċċa. Semma kif kienet aħbar li ħasdet lil kulħadd minħabba li ħadd ma stenna li Lino kien se jħalli din id-dinja b’dan il-mod.
Dun Mario Mangion semma kif il-qtil ta’ Lino hu tort tas-soċjetà li llum qed twarrab il-valuri u moħħa fil-flus u f’dak li toffri din id-dinja.
Fi tmiem il-funeral, il-membri tal-Għaqda tan-Nar 23 t’April li tagħha Lino Mangion kien membru attiv, refgħuh u b’tislima lejn dan ir-raġel deskritt bħala li kien jgħin lil kulħadd, bdiet ċapċipa u anke inħaraq salut bħala l-aħħar tislima minn sħabu li kien ikun magħhom ta’ kuljum.
Sadattant l-investigazzjonijiet b’rabta ma dan il-qtil għadhom ma waslu mkien, minkejja li saru diversi arresti sa issa ma kien hemm l-ebda żblokk. L-unika kjarifika min-naħa tal-Pulizija kienet dik li fil-mira ta’ dan l-attentat oriġinarjament kellu jkun it-tapizzar Raymond Grima.
//= $special ?>