“Jekk temmen fik innifsek kulħadd jibda jemmen fik. Oħolmu u stinkaw biex dik il-ħolma twettquha minkejja kemm se ssibu nies kontrikom.”
Hu dan il-messaġġ ta’ Maltija, li twieldet fil-Belt Valletta iżda ilha tnax-il sena tgħix fl-Ingilterra fejn bniet karriera bħala attriċi u ħadet sehem f’films u serje internazzjonali ma’ wħud mill-aqwa atturi u kittieba.
Marama Corlett, l-isem li tuża fil-karriera tagħha, għandha partijiet ewlenin fi The City and the City li xxandar fuq BBC2, Blood Drive li xxandar fuq Syfy bejn Ġunju u Settembru li għadda, u s-serje Sick Note li bdiet f’Novembru li għadda fuq Sky One, bħalissa tinsab f’Malta fejn qed tieħu sehem fil-Malta Comic Convention organizzata minn Wicked Comics.
Minbarra li ħadet sehem fi produzzjonijiet li fihom ħadmu wkoll atturi mill-aqwa bħal Rupert Grint, Nick Frost u Lindsay Lohan, Corlett ħalliet impressjoni mill-aqwa b’parti prinċipali f’Simbad, il-film li nġibed f’Malta.
Ma’ NetNews.com.mt, Corlett tispjega li minkejja l-ammont ta’ xogħol li jinvolvi biex wieħed jagħmilha f’dan il-livell, is-sodisfazzjon hu wieħed kbir. “Fih ħafna xogħol u trid taqdef ħafna għaliex hemm ħafna kompetizzjoni. Madankollu nemmen li fil-futur qarib se naraw iktar u iktar Maltin.”
Tgħid li minbarra s-sodisfazzjon personali, tħoss ukoll li qed iġġorr isem pajjiżna. “Nieħu pjaċir nirrappreżenta lil Malta u Għawdex bħala Maltija. Hu għalhekk li nwassal messaġġ ta’ tama lil min jixtieq jidħol f’din ix-xena – meta nkun hemm nimmaġina lil Malta, għax avolja aħna żgħar, is-sustanza fil-fliexken iż-żgħar tinsab.”
//= $special ?>

