Fil-ġlieda interna li għaddejja u li qed tinħass fil-kamp tal-Partit Laburista u wkoll fil-grupp parlamentari tal-Gvern Laburista, it-taqtigħa dwar min se jieħu post Joseph Muscat bħala Mexxej Laburista, issa bdew ħerġin ukoll fil-beraħ sinjali ta’ alleanzi u fazzjonijiet.
Għalkemm b’mod sottili, diġà bdiet il-kampanja ta’ min se jappoġġja lil min f’din it-taqtigħa dwar min se jidħol fis-siġġu ta’ Joseph Muscat. Il-ġlieda hi bejn il-Ministru Ian Borg u d-Deputat Laburista Robert Abela li dan tal-aħħar irrifjuta kull kariga Ministerjali fil-Gvern ta’ Muscat f’Ġunju li għadda.
Ittra li waslet lil In-Nazzjon f’dawn il-jiem turi l-appoġġ li beda jagħti s-Segretarju Parlamentari fil-kabinett ta’ Muscat, Silvio Schembri, lill-Ministru Ian Borg. Din l-ittra li tqassmet lir-residenti Luqin, tikxef l-alleanzi li bdew jinbtu fost il-membri tal-Kabinett tal-gvern Laburista, u fost il-Grupp Parlamentari Laburista.
Is-Segretarju Parlmentari Silvio Schembri qassam bieb bieb lir-residenti f’Ħal Luqa, ittra li hu bagħat lill-Ministru Ian Borg, bħala Ministru responsabbli mit-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali. L-ittra lill-Ministru Ian Borg, bid-data tal-21 ta’ Novembru li għadda, tqassmet u kienet impustata fid-djar mingħajr envelope.
Fl-ittra, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri jgħid lill-Ministru Ian Borg li jħossu fid-dmir li jgħarrfu b’dak li ilhom jitkellmu dwaru r-residenti Luqin f’dak li għandu x’jaqsam l-immaniġġjar tat-traffikku fiċ-ċentru fil-lokalità u talbu biex “ladarba ħa jsiru xi modifikazzjonijiet fir-roundabout ta’ ħdejn id-Dinitrol, issa hu ċ-ċans sabiex tinstab soluzzjoni ekwa.”
In-Nazzjon hu infurmat li x-xogħlijiet mar-roundabout tad-Dinitrol diġà bdew u dan wara li x-xogħlijiet f’din ir-roundabout kienu saru madwar sentejn ilu.
Residenti li tkellmu ma’ In-Nazzjon irrimarkaw u kkummentaw li kopja ta’ din l-ittra mis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri lill-Ministru , tqassmet lir-residenti Luqin bi skop.
Tqassmet fi żmien li fih ħareġ fil-beraħ l-inkwiet li hemm bejn id-Deputat Laburista Robert Abela u l-Ministru Ian Borg għat-taqtigħa ta’ min se jieħu post Joseph Muscat li qal u ddikjara li se jkun qed iwarrab mit-tmexxija tal-Partit Laburista għax mhux se jikkontesta elezzjoni ġenerali oħra.
Ir-residenti li tkellmu ma’In-Nazzjon fissru li hu ċar li din l-ittra tqassmet b’appoġġ għall-Ministru Ian Borg. Dan hekk kif id-Deputat Laburista Robert Abela jinsab taħt kritika qawwija wara li nkixef bid-dħul li qed jirċievi f’konsulenzi mill-awtoritajiet u aġenziji tal-Gvern ta’ Muscat.
Fil-parlament diġà ġie kkonfermat li l-kumpanija legali li fiha għandu sehem id-Deputat Laburista Robert Abela, diġà tħallset is-somma ta’ €600,000 minn konsulenzi mill-awtoritajiet u aġenziji tal-Gvern, fosthom l-Awtorità tal-Ippjanar u Transport Malta, u dħul ieħor ta’ €10,000 f’konsulenzi mill-Air Malta.
Il-gwerra bierda bejn il-fazzjoni tal-Ministru Ian Borg u dik tad-Deputat Laburista Robert Abela, li hu wkoll konsulent tal-Prim Ministru, ħarġet fil-beraħ f’post li ttella’ dan l-aħħar f’tentattiv biex jipprova jagħti l-impressjoni li m’hemm ebda tensjoni u diżgwid – tentattiv li nftiehem mill-ewwel li r-ritratt antik ta’ Robert Abela jippoża ma’ Ian Borg hu post biex jaljena mit-tensjoni li qed tkompli tikber.
//= $special ?>

