Internazzjonali

Sitwazzjoni skomda għal Trump wara r-rivelazzjoni ta’ eks-konsulent

 

Osservaturi politiċi fl-Istati Uniti jemmnu li l-ammissjoni ta’ eks-konsulent dwar is-sigurtà mal-Presidenza — fis-sens li hu kien ħareġ l-istqarrijiet foloz lill-aġenti tal-FBI – kapaċi tiftaħ sitwazzjoni perikoluża għall-President Amerikan Donald Trump.

L-eks-konsulent Michael Flynn, li kien qrib ħafna ta’ Trump, fi tmiem il-ġimgħa ammetta li kien ħareġ stqarrijiet qarrieqa dwar laqgħat li kellu mal-Ambaxxatur tar-Russja, ġimgħat qabel Trump laħaq, uffiċjalment, bħala President tal-Istati Uniti.

L-akkużi tressqu mill-Prosekutur Speċjali Robert Mueller bħala parti mill-inkjesta dwar l-allegat indħil mir-Russja fl-elezzjoni Presidenzjali tal-2016. Flynn hu l-aktar isem prominenti implikat f’dan il-każ li għad jista’ jħalli riperkussjonijiet politiċi kbar  ladarba  l-eks-konsulent wiegħed biex jikkoopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni ta’ Mueller.

Michael Flynn kien sostenitur qawwi tal-kampanja elettorali ta’ Donald Trump u issa ammetta dwar  ‘taħditiet speċifiċi’ mal-ambaxxatur Russu fl-Istati Uniti, waqt il-perjodu tat-tran żizzjoni qabel l-inawgurazzjoni tal-Presidenza ta’ Trump.

F’Washington hemm sens ta’ għadab dwar l-ammissjoni ta’ Flynn li kien gideb lill-FBI.

L-aktar element li qed jinteressa lill-poplu hu s-suġġeriment, ta’ Flynn, li hu kien ingħata direttivi biex jiltaqa’ mar-Russi u li d-direttiva ngħatatlu minn uffiċjal għoli ħafna fl-amministrazzjoni ta’ Washington. Bħalissa, hemm spekulazzjoni li l-uffiċjal inkwistjoni ma kien ħadd ħlief Jared Kushner, li hu miżżewweġ lit-tifla tal-President Trump.

In-nies huma anki inkwetati li l-uffiċjal li bażikament ammetta li kien qed jigdeb dam żmien jikkonsulta u jagħti pariri lill-President innifsu dwar is-sigurtà nazzjonali.

Uħud anki qed jallegaw li Flynn, dak iż-żmien, kien ingħata ċerti istruzzjonijiet ‘u li hu, wara li wettaqhom, inqabad u spiċċa abbandunat mill-amministrazzjoni.’

Fl-istess ħin, l-osservaturi tal-każ jemmnu li l-fatt li Flynn, issa, qed jikkoopera mal-awtoritajiet ma jawgurax tajjeb ‘għal kulmin għandu xi ħaġa x’jaħbi fiċ-ċirkustanzi’.

Sadanittant, il-President Trump ftit tal-ħin ilu qal li l-konsulent kellu l-kuntatti mar-Russja f’Diċembru iżda ‘dawn kienu legali’. Trump kompla li Michael Flynn kien tkeċċa mill-kariga ‘talli gideb’.