Internazzjonali

Tintemm iż-żjara tal-Papa f’Bangladesh

 

Il-Papa Franġisku kkonkluda sensiela ta’ żjarat sinifikanti fi Myanmar u Bangladesh li matulha indirizza direttament kriżi ta’ refuġjati li qed tħasseb lid-dinja.

Qabel qabad l-ajruplan minn Bangladesh lejn Ruma, il-Papa żar residenza,  f’Dhaka, li waqqfet is-soru Madre Tereża ( illum qaddisa) għall-orfni, l-anzjani morda u l-ommijiet mhux miżżewwġa.L-aħħar avveniment tiegħu f’Bangladesh kienet laqgħa maż-żgħażagħ f’kulleġġ li waqqfu qassisin Kattoliċi wara l-gwerra għall-indipendenza tas-snin sebgħin fil-pajjiż.

Il-Papa  faħħar lil Bangladesh (iddominat mill-Musulmani u fejn anqas minn wieħed fil-mija tal-poplu huma Kattoliċi) talli għandu ‘uħud mill-aqwa relazzjonijiet intra-reliġjuzi fid-dinja’.

Hu anki esprima sodisfazzjon dwar il-laqgħa tal-Ġimgħa, f’Dhaka, bejn ir-rappreżentanti tad-diversi reliġjonijiet u fejn iltaqa’ mar-refuġjati tal-komunità tar-Rohingya li ħarbu minn Myanmar . Il-Papa, għall-ewwel darba, uża l-kelma ‘Rohingya’ fil-konfront tar-refuġjati u qal li dawn in-nies ‘ħaqqhom kull rispett’.