Ir-rebbieħ tal-Formula 2 Charles Leclerc se jkun qiegħed itellaq flimkien ma’ Marcus Ericsson mat-tim tal-Alfa Romeo Sauber fl-2018, wara li l-istess tim ikkonferma dan. B’din il-konferma, fadal biss post mal-Williams biex is-sewwieqa kollha jkunu deċiżi għall-istaġun li ġej.
Leclerc li hu wieħed mis-sewwieqa żgħażagħ tal-Ferrari se jieħu post Pascal Wehrlein mas-Sauber, b’Ericsson iżomm postu biex itellaq fir-raba’ staġun mat-tim Żvizzeru. Antonio Giovinazzi li hu wkoll tal-Ferrari, kien fit-taqtigħa biex jirbaħ post ma’ Ericsson, iżda ngħata l-irwol tat-tielet sewwieq.
Din l-aħbar kienet żvelata f’konferenza stampa fil-mużew tal-Alfa Romeo fl-Italja, bil-kumpanija tkun żvelata bħala l-isponsors ta’ Sauber fl-aħħar jiem. Il-karozza tal-2018 tas-Sauber se tkun ukoll bit-tema tal-Alfa Romeo, bil-kunċett jinvolvi l-kulur aħmar tad-ditta kif ukoll il-kuluri abjad u blu li kienu żvelati waqt dan l-avveniment.
Il-President tal-FIA Jean Todt u ċ-chairman tal-Formula 1 Chase Carey attendew l-attività tat-tnedija s-Sibt, biex b’hekk taw l-importanza tar-ritorn tal-Alfa Romeo fil-Formula 1 bħala sponsor u sieħeb tekniku. Iċ-chairman tal-Alfa Romeo Sergio Marchionne li hu wkoll dak tal-Ferrari, ħabbar uffiċjalment ir-ritorn tad-ditta wara nuqqas ta’ 30 sena.
Leclerc kellu staġun mill-aqwa fid-debutt fil-Formula 2 fejn rebaħ il-kampjonat bi tliet tiġrijiet għat-tmiem u spiċċa b’vantaġġ ta’ 72 punt fil-quċċata. Is-sewwieq ta’ 20 sena rebaħ seba’ tiġrijiet u spiċċa tliet darbiet oħra fuq il-podium filwaqt li kiseb rekord ta’ tmien pole positions biex għadda l-kisbiet li kienu għamlu fil-passat Lewis Hamilton u Nico Rosberg.
//= $special ?>