Lokali

FILMAT: Jiddeskrivi dak li ġie żvelat bħala ‘Kummiedja’

Għal Ian Borg, l-istejjer u l-akkużi serji dwar indħil Ministerjali fil-Pulizija huma 'kummiedja'

Għas-Super Minister Ian Borg, dak li ġie żvelat din il-ġimgħa dwar l-indħil mill-Ministru Carmelo Abela fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija, u d-dikjarazzjonijiet tal-eks Uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris, huma ‘Kummiedja’.

Hu rrefera għall-aħbarijiet ta’ din il-ġimgħa bħala ‘kummiedja’ waqt li kien qed jindirizza partitarji Laburisti fil-każin Laburista tal-Mellieħa.

“Ma nistax ma nsellimx lill-ħabib tagħna, il-Ministru Carmelo Abela, fuq il-kummiedja li assistejna għaliha din il-ġimgħa fil-konfront tiegħu. U mingħandna għandu l-appoġġ totali,” qal Ian Borg.

Il-każ hu dwar dak li żvela Jonathan Ferris fil-jiem li għaddew – li meta kien Spettur tal-Pulizija kellu ndħil ministerjali fl-investigazzjonijiet. Ferris qal li s-segretarju ta’ Carmelo Abela kien bagħtlu e-mail bil-Ministru stess ikkuppjat fl-email, fejn talbu jirrapporta dwar l-andament ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ każ li kien qed imexxi ferris.

Meta Ferris talab li jekk irid, tista’ tissejjaħ laqgħa bejniethom, irċieva risposta b’email miktuba b’ittri kapitali li l-Ministru jrid din l-informazzjoni.
Imma dan kollu, għas-Super Minister Ian Borg, huwa ‘kummiedja’. U waqt li naqas li jikkundanna l-aġir ta’ sieħbu Carmelo Abela, Ian Borg ippersista bl-attakk dirett tiegħu fuq Jonathan Ferris.

“ X’piż issa jista’ wieħed jagħti lill-kreddibiltà ta’ persuna li din inqabdet tiżvija… tiżgwida lis-soċjetà tagħna f’xi ħaġa li fl-iskema tal-affarijiet hija daqstant żgħira. Jekk kitibx l-email in caps lock, jew saħansitra kienx qiegħed jindaħal jew jagħmel follow-up ta’ każ,” żied jgħid.

Waqt li għas-Super Minister il-każ tal-indħil minn Carmelo Abela huwa ‘kummiedja’, Ferris kien wasal biex irriżenja minn Spettur minħabba dan l-indħil. Aktar tard daħal jaħdem mal-FIAU fejn kien qed jinvestiga każijiet ta’ ħasil ta’ flus. Hu tkeċċa waqt il-probation period.