Lokali

Għandha ssir investigazzjoni indipendenti fuq l-FIAU – In-Network tas-Soċjeta’ Ċivili

In-Network tas-Soċjeta’ Ċivili sejjaħ għal investigazzjoni indipendenti fid-dawl tal-allegazzjonijiet li qed isiru fir-rigward tal-FIAU li saru f’dawn l-aħħar xhur u għadhom qed isiru issa.

Fi stqarrija, in-Network tas-Soċjeta’ Ċivili qalet li dawn l-allegazzjonijiet ma jistgħux jitħallew għaddejjin mar-riħ u għandha ssir investigazzjoni dwar l-operat tal-FIAU mill-bidu tal-2016 sal-lum u li għandha tinkludi analiżi ta’ kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni li setgħet seħħet bejn persuni involuti jew li fil-passat kienu involuti fl-FIAU u terzi persuni.

Filwaqt li jittama li l-Prim Ministru jieħu l-inizjattiva u jikkonsulta mal-Oppożizzjoni biex isseħħ l-investigazzjoni minn persuni magħżula bi qbil bejn iż-żewġ naħat, in-Network appella jekk Joseph Muscat ma jagħmilx dan sa nhar it-Tlieta li ġej, Membri oħra  tal-Parlament iressqu mozzjoni sabiex issir tali investigazzjoni.

In-Network tas-Soċjeta’ Ċivili jemmen li l-poplu Malti għandu jkollu moħħu mistrieħ li l-organi kollha tal-Istat Malti qegħdin jagħmlu dak kollu li huwa fil-poter tagħhom sabiex jiġġieldu l-attivitajiet kriminali li jseħħu f’pajjiżna u ma jagħlqu għajnejhom quddiem l-ebda forma ta’ illegalita’.

L-istqarrija ttemm bin-Network iħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi u jipparteċipa fid-dimostrazzjoni għall-Ġustizzja li se tibda fl-4p.m. minn quddiem il-Qorti sa quddiem il-Parlament.

Fost il-kelliema li se jindirizzaw il-protesta hemm ukoll l-eks Maġistrat Taljan Antonio Di Pietro li fis-snin 90 mexxa diversi inkjesti li kixfu xibka ta’ korruzzjoni u rabtiet bejn il-politika u l-kummerc.

Il-protesta se tkun indirizzata wkoll mill-kittieb Immanuel Mifsud, il-ġurnalista Caroline Muscat, il-ġurnalista investigattiva Taljana Marilu Mastrogiovanni u Miriam Galea min-Network tas-Soċjeta’ Ċivili.