Lokali

Ħaddiema Għawdxin vittmi tal-ġlied bejn Justyne Caruana u Anton Refalo

Għexieren ta’ ħaddiema Għawdxin spiċċaw jiżżefnu f’nofs il-ġlied u l-pika bejn il-Ministru Justyne Caruana u l-eks-Ministru Anton Refalo bil-biża’ li jitilfu l-impjieg li ngħataw fiċ-Ċittadella qabel l-elezzjoni ġenerali hekk kif aktar tard dan ix-xahar mistenni jintemmilhom il-kuntratt.

Justyne Caruana u Anton Refalo ilhom fi ġlieda qalil bejniethom, b’tal-ewwel qed tagħmel minn kollox biex tidher li qed tmexxi hi, waqt li l-eks-Ministru għad għandu s-saħħa bin-nies leali lejh mifruxa f’kull rokna tax-xogħol f’Għawdex.

L-antagoniżmu bejniethom qiegħed ikompli jinħema minn taħt, bin-nies tal-Ministru jaħilfu li jpattuha lill-eks-Ministru wara li fil-leġiżlatura li għaddiet, skont huma, ftit li xejn ingħataw spazju biex jaħdmu għal Justyne Caruana.

Fi żmien il-leġiżlatura li għaddiet Anton Refalo u dawk lejali lejh kienu għamlu dak kollu li setgħu biex jiksbu l-akbar ammont ta’ voti possibbli għall-Ministru. Mhux biss qdew lin-nies sal-aħħar jum ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali, iżda lil Justyne Caruana ma tawhiex spazju biex hi wkoll tkun tista’ tagħmel il-kampanja elettorali tagħha.

Saħansitra l-eks-Ministru Anton Refalo kien ikkapparra l-binja tad-Dar tal-Anzjani f’Għawdex u ma ħalliex lil Caruana – li kienet responsabbli mill-qasam tal-anzjani –tikkoordina u tmexxi dak l-investiment.

Fil-ġirja sfrenata għall-elezzjoni li għaddiet, l-eks-Ministeru għal Għawdex u dawk viċin il-Ministru Anton Refalo kienu ħadmu biex jagħtu impjiegi mal-Gvern lill-akbar ammont ta’ Għawdxin possibbli u niċċa fejn dan sar bil-goff kienet iċ-Ċittadella, fejn iddaħħlu bosta Għawdxin.

Il-problema ta’ ħafna minn dawn il-ħaddiema hi li issa f’Diċembru se jiskadilhom il-kuntratt u għalhekk għandhom problema x’se jkunu qed jagħmlu. Bosta minn dawn il-ħaddiema qatt ma basru li se jispiċċaw jiżfnu f’din is-sitwazzjoni għaliex qatt ma stennew li Joseph Muscat kien se jtajjar lil Anton Refalo minn Ministru għal Għawdex biex jagħmel lil Justyne Caruana.

Issa dawn il-ħaddiema qed imorru jokorbu għand nies qrib il-Ministru Justyne Caruana biex jinstabilhom xi forma ta’ xogħol. Madankollu t-tweġiba li qed jingħataw hi li jkun tajjeb għalihom li issa jerġgħu jmorru għand min kien impjegahom biex ikun hu li jsolvilhom il-problema li ddaħħlu fiha. Huma kienu ġew impjegati bil-barka ta’ Anton Refalo. Ħafna minn dawn il-ħaddiema diġà kienu jagħmlu xogħol ieħor full-time fil-privat f’Għawdex stess, iżda għaliex imwebbla, telqu x-xogħol li kellhom mal-privat u ssieħbu f’xogħol fiċ-Ċittadella.

F’kitba fuq il-Facebook fil-jiem li għaddew, l-eks-Ministru Anton Refalo kiteb li hi ħasra li l-ħaddiema fiċ-Ċittadella, minn 90, se jispiċċaw biss għal 12. Hu kiteb: “il-ħaddiema fiċ-Ċittadella se jispiċċaw tnax biss.”

Anton Refalo kkritika din id-deċiżjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Justyne Caruana u żied, “hi verament ħasra li ċ-Ċittadella se titlef il-kontribut u l-esperjenza ta’ dawn il-ħaddiema li sal-lum dejjem żammewha b’mod impekkabbli.”

In-nies ta’ madwar Justyne Caruana qed jargumentaw li l-eks-Ministru Anton Refalo ma messux li lil dawn il-ħaddiema jagħtihom kuntratt ta’ ftit xhur, u issa għandu jkun hu li jara kif se joħroġhom minn dan l-isqaq.

Sadattant, min-naħa tan-nies tal-eks-Ministru Refalo, dawn ukoll irrabjati ħafna għal Joseph Muscat u qed jargumentaw li minkejja l-ħafna xogħol li Anton Refalo għamel għal Għawdex, dan kollu ma kienx apprezzat u tneħħa minn Ministru għal Għawdex.