Lokali

Il-blu u l-aħmar jiċċelebraw flimkien waqt Fejn Għexna tal-lejla mill-Ħamrun

San Gejtanu dieħel lura fil-Knisja
Fl-isfond tal-impiki kollha se nżuru wkoll dar Ħamruniża li fiha ssir bibita bejn il-ħbieb u familja li ma tħarisx lejn kuluri u li matula l-aħmar u l-blu jitħalltu sew. 

Waqt il-programm Fejn Għexna tal-lejla se niltaqgħu ma’ diversi Ħamruniżi li ħafna minnhom ilhom il-Ħamrun minn meta twieldu.

Kien suldat bil-lieva fiż-żmien il-gwerra.

Se niltaqgħu fost l-oħrajn ma’ anzjan ta’ iktar minn 90 sena li fiż-żmien il-gwerra kellu 18-il sena u kien inqabad suldat permezz tas-sistema tal-lieva.

Mary, darba ħarbet lil ommha u marret tilqa’ lir-Reġina Ingliża.

Apparti minn hekk, se niltaqgħu wkoll ma’ Mary li tirrakonta kif fi tfulita kienet tmur kull nhar ta’ Ħadd sat-talkies ma’ ommha u missierha għax din kienet l-unika ħarġa tal-familja. Se tirrakonta wkoll kif darba minnhom minflok marret ix-xogħol, imxieta mill-Ħamrun sal-ajruport biex tilqa’ lir-Reġina Ingliża u malli waslet lura d-dar laqtet xebgħa kbira mingħand ommha.

John u Luċija li ta’ kull sena jilqgħu kemm lil tat-Tamal u lil tal-Miskina ġewwa darhom.

Bla dubju ta’ xejn se nitkellmu wkoll dwar il-festa ta’ San Gejtanu u dwar kif nibtet ftit tal-pika bejn il-Każin ta’ San Ġużepp u l-Każin ta’ San Gejtanu, tal-Miskina u tat-Tamal. Fl-isfond tal-impiki kollha se nżuru wkoll dar Ħamruniża li fiha ssir bibita bejn il-ħbieb u familja ta’ John u Luċija Saliba. Bibita li ma tħarisx lejn kuluri u li matula l-aħmar u l-blu jitħalltu sew.

Se nsiru nafu wkoll il-laqam tal-Ħamruniżi. Filfatt, il-Ħamruniżi jsibuhom bħala dawk tas-sikkina jew inkella ta’ werwer… xi ħaġa interessanti li jistgħu jgħidulna aktar dwarha l-protagonisti tagħna llejla waqt il-programm Fejn Għexna.

Fejn Għexna jixxandar kull nhar ta’ Ħadd wara Net News tas-6pm, b’repetizzjoni kull nhar ta’ Tlieta fl-10.30pm.

Ikkummenta