Rapport ippubblikat fil-gazzetta The Malta Independent on Sunday jiżvela li l-mara taċ-Ċhief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, Josette Schembri Vella, tiffaċċilita l-bejgħ tal-passaporti permezz ta’ kumpanija mwaqqfa f’Ottubru tal-2016. Il-kumpanija, li ġġib l-isem ‘Temple Concierge’, twaqqfet is-sena li għaddiet u Josette Schembri Vella hija l-unika Direttur u l-unika Shareholder ta’ din il-kumpanija, li toffri servizzi għas-sinjuruni.
Fost is-servizzi li toffri din il-kumpanija hemm bookings ta’ titjiriet, akkomodazzjonijiet, jets privati u servizzi oħra. Tagħti wkoll servizzi marbuta mal-proċess tal-għoti tal-visas u l-passaporti. Imma jirriżulta wkoll li fuq il-website ta’ din il-kumpanija hemm miktub li jingħataw ukoll servizzi marbuta mal-Individual Investors’ Programme (IIP) – jew inkella kif inhi magħrufa, l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.
The Malta Independent on Sunday irrappurtat li qabel ma ntbagħtu mistoqsijiet lil Schembri, kien hemm paġna sħiħa fuq il-website dedikata għal dan is-servizz partikolari, liema paġna aktar tard inħbiet mill-pubbliku.
Is-servizzi li toffri l-kumpanija tal-mara ta’ Keith Schembri f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ tal-passaporti jqajjem mistoqsijiet dwar kunflitt ta’ interess. Filfatt, The Malta Independent tfakkar li Keith Schembri, bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru, idur id-dinja ma’ Joseph Muscat meta dan isiefer biex ibigħ il-passaporti Maltin. Imma mistoqsi minn The Malta Independent, Keith Schembri insista li ‘Temple Concierge’ hija ta’ martu, u li hu m’għandu xejn x’jaqsam magħha.
Keith Schembri żied li xogħol il-kumpanija tal-mara tiegħu huwa li tagħti informazzjoni dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u mhux li taġixxi bħala aġent, u li għaldaqstant m’hemmx kunflitt ta’ interess. The Malta Independent iżżid li madanakollu, Schembri naqas milli jwieġeb mistoqsijiet oħra – fosthom jekk qatt għaddiex ċittadini-prospettivi taħt l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti fid-direzzjoni lejn in-negozju ta’ martu.
//= $special ?>