Lokali

“Il-maratona ġbir ta’ fondi għandha turi s-saħħa u l-għaqda fil-PN” – Robert Arrigo, Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista

“Diġà bdew ġejjin nies ġodda fil-Partit Nazzjonalista. Hawn ħafna ideat biex il-Partit jissaħħaħ, ħafna entużjażmu għat-tmexxija u t-tim il-ġdid tal-PN u dan ikompli jimla lilna bil-kuraġġ biex naħdmu ħalli nfasslu l-viżjoni tal-Partit mhux biss bħala Oppożizzjoni imma biex fil-ħames snin li ġejjin, il-poplu jħares lejn il-PN bħala Gvern alternattiv.”

Dan sostnih il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Partit Robert Arrigo f’intervista ma’ il-mument. Hu fisser li hemm ħafna xogħol li jrid isir u hawn ħafna affarijiet li jista’ jagħmel il-PN mhux biss biex jissaħħaħ bħala Oppożizzjoni imma anke biex jissaħħaħ finanzjarjament. “Nemmen li nistgħu nagħmlu suċċess. Iżda dan is-suċċess irid jasal b’ħafna ħidma u din il-ħidma se tkompli anke permezz tal-maratona ġbir ta’ fondi li l-PN se jorganizza fl-10 ta’ Diċembru,” sostna Robert Arrigo. Il-maratona ġbir ta’ fondi għandha t-tema ‘Inti lest li tgħin?’. L-iskop wara din it-tema tal-maratona hu li l-PN jirċievi l-għajnuna mingħand in-nies, għajnuna finanzjarja li permezz tagħha l-PN ikompli jinvesti fil-mezzi kollha tiegħu biex iwassal il-messaġġ tiegħu lill-poplu. Dan billi t-tmexxija l-ġdida tkompli tibni fuq it-tajjeb li diġà sar.

Proġetti ġodda li se jinvolvu ħafna nies
Il-Viċi Kap għall-Ħidma tal-Partit fisser kif il-PN se jibda fażi ġdida fl-istorja tiegħu. “Se jkollna proġetti li fihom se ninvolvu ħafna nies ħalli n-nies iħalluhom involuti, iħossuhom parti mill-PN. Se nagħmlu dawn it-tip ta’ proġetti mibnija fuq ir-riżorsa umana, anke f’ċerti każi, fuq bażi volontarja, għaliex hemm ir-rieda tan-nies biex dan isir. Ma rridx inkun prużuntuż, imma naħseb li l-ewwel sinjali huma inkoraġġanti.”

Hawn Robert Arrigo għamel referenza għal tliet punti li kellu fil-programm elettorali tiegħu fil-kampanja għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap tal-PN. Hu fisser li meta jgħid li l-PN irid jaġġorna ruħu maż-żminijiet tal-lum, ma rridux nassumu biss fejn tidħol il-politika u l-viżjoni tal-Partit imma anke f’dak li joffri fid-Dar Ċentrali tiegħu biex dejjem jattira aktar nies b’mod partikolari żgħażagħ, eżempju bħal aċċess għal free wifi, il-ftuħ tal-kafetterija u x-xandir ta’ avvenimenti sportivi.

Aġġornament tad-data tal-Partit
Hemm imbagħad il-ġbir tad-data tal-Partit li trid tkun aġġornata l-ħin kollu biex il-Partit iżomm ruħu aġġornat. Robert Arrigo kompla kif il-proċess ta’ ħidma dwar id-data tal-Partit diġà beda. “Parti minn dan il-proċess hi li nikkuntattjaw lin-nies li f’dawn l-aħħar snin irrifjutaw it-tessera tal-PN u naraw għaliex għamlu dan. Anke dawk li rrifjutawha fl-aħħar 20, 25 sena bdejna nikkuntattjaw. B’kollox għandna madwar 14,000 ruħ li rridu nikkuntattjaw.”

Pjan finanzjarju ċar biex jintlaħqu l-miri
Il-Viċi Kap Robert Arrigo qal li jixtieq jassigura lil dawk in-nies li dejjem għaddew donazzjonijiet lill-PN li dawn qed jintużaw b’mod għaqli. Hu qal ukoll li d-dejn tal-Partit qed ikun ikkontrollat u bħala tmexxija ġdida huma qed jimxu fuq il-pjan ta’ ristrutturar li kien tħejja. Hu qal li d-dejn tal-Partit jista’ jitħallas fi żmien 15-il sena iżda biex dan isir, Robert Arrigo għandu programm, dak li fassal għall-kampanja tiegħu.

“L-importanza tal-maratona tal-10 ta’ Diċembru hi li rridu nuru li l-PN hu b’saħħtu, għadu hemm u se jibqa’ hemm biex jiġġieled għas-sewwa u għall-verità, u li l-PN għandu pjan imfassal biex jilħaq din il-mira.” Hawn il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Partit qal li ’l quddiem il-PN għandu wkoll il-ħsieb li jorganizza laqgħa ġenerali annwali għall-membri tiegħu biex jispjega u juri kif u għalxiex qed jintefqu d-donazzjonijiet tagħhom. “Nemmen li b’dan il-mod in-nies ikunu aktar motivati biex joffru l-għajnuna finanzjarja tagħhom. Hawn nieħu l-opportunità biex inħeġġeġ lill-pubblikuabiex mhux biss jagħmel id-donazzjoni tiegħu fl-10 ta’ Diċembru, imma jżur id-Dar Ċentrali fejn se jkun hemm it-tim tal-PN li se jiltaqa’ man-nies preżenti.”

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit qal li nafu li llum il-Partit Laburista ma tantx għandu bżonn maratoni bil-miftuħ bħalma jorganizza l-PN. Hu fisser kif il-maratoni li jorganizza l-PN ma jsirux biex idejqu lin-nies imma għall-bżonn, u qal li m’għandux dubju li bħal kull sena, bħalma jsir minn żmien għal żmien, il-maratona tal-10 ta’ Diċembru se tkun suċċess.

Proġetti bies tissaħħaħ il-midja tal-PN
Dwar il-midja tal-Partit, Robert Arrigo qal li bla dubju ta’ xejn hemm proġetti biex din tissaħħaħ. Fl-aħħar snin sar progress kbir li minbarra li ġie rikonoxxut mill-pubbliku fejn jidħlu stejjer ta’ natura politika u oħrajn umani, f’dawk li huma aħbarijiet, il-programm li joffri l-istazzjon Net Tv u anke Radio 101, flimkien mal-gazzetti In-Nazzjon u il-mument, u fuq kollox is-sit elettroniku netnews.com.mt, ix-xogħol kollu li jsir qal li bla dubju hu apprezzat minn ħafna u għalhekk hemm pjan biex dan kollu jissaħħaħ. Dan minbarra li għamel referenza għall-fatt li l-midja tal-PN mhix qiegħda hemm biss għal meta tasal xi elezzjoni bħal meta issa daqt jaslu l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u dawk tal-Membri Parlamentari Ewropej.

“Nixtieq nagħmel referenza għall-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju biex nispjega aħjar għaliex ikollu bżonn il-fondi il-PN. Rajna matul Mejju u Ġunju l-famużi reklami onlajn tal-Partit Laburista, li jgħidulhom google ads, li kienu jitilgħu anke f’siti barranin, ammont akbar ta’ billboards. Dan kollu l-PN ma setax jagħmlu għaliex kellu baġit. L-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien ġabret ammont ta’ flus mill-maratoni organizzati u mxiet magħhom mingħajr ma sar infiq żejjed jew fil-ħela.”

Sfortunatament, il-PN m’għandux il-lussu finanzjarju li għandu l-Partit Laburista, kompla jispjega Robert Arrigo. Imma żied li l-PN jista’ jkun b’saħħtu finanzjarjament bl-għajnuna tad-donazzjonijiet mingħand il-pubbliku. “Nappella biex dawk in-nies kollha li emmnu fil-PN fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet ikomplu juru dan grazzi għad-donazzjoni tagħhom għaliex il-ħidma, dak li emmen fih il-PN dak iż-żmien, għadu jemmen fih u se jkompli jiġġieled għalih.

Partit magħqud
Robert Arrigo stqarr li “wara li tgħaddi l-maratona fl-10 ta’ Diċembru l-PN se jkun qed iħejji biex jibda l-2018 bil-messaġġ tiegħu li jrid iwassal lill-poplu. Iżda qabel ma nibdew ngħaddu l-messaġġ lin-nies, irridu nwasslu l-messaġġ li l-PN hu partit magħqud. Tħallux lil midja oħra b’mod partikolari dik tal-Partit Laburista ġġegħilkom temmnu li għandna xi qasma fil-Partit. Minn dan m’hemm xejn. Aħna partit ħaj għax fih dejjem iddiskutejna, dejjem iddibattejna u hekk se nibqgħu nagħmlu anke jekk ma naqblux fuq ċerti temi, għax hemm biss insaħħu s-sisien li fuqhom hu mibni dan il-partit, fosthom id-demokrazija. Il-PN hu partit li se joffri viżjoni fit-tul għal pajjiżna u din il-viżjoni se jkollna ċ-ċans nitkellmu dwarha anke matul il-maratona ġbir ta’ fondi tal-10 ta’ Diċembru fid-Dar Ċentrali tal-PN,” temm il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Partit, Robert Arrigo.