Lokali

Imfakkar Raymond Caruana

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività kommemorattiva f’għeluq il-31 sena mill-qtil politiku ta’ Raymond Caruana.

Il-Partit Nazzjonalista l-Ħadd filgħodu fakkar il-qtil politiku ta’ Raymond Caruana li kien inqatel  fil-Każin Nazzjonalista tal-Gudja fil-5 ta’ Diċembru 1986 wara li kienu sparati tiri ta’ sub-machine gun mal-faċċata tal-Każin.

Fid-9 ta’ filgħodu sar tberik fuq il-qabar ta’ Raymond Caruana fiċ-ċimiterju tal-Gudja kif ukoll tpoġġew fjuri mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u individwi oħra fosthom qraba ta’ Raymond Caruana.

Wara, fil-Knisja Parrokkjali tal-Gudja saret quddiesa ta’ suffraġju għal ruħ Raymond Caruana. Hawn kienu preżenti wkoll Adrian Delia, Eddie Fenech Adami, l-ex Prim Ministru u ex Kap tal-PN Lawrence Gonzi, l-ex Kap tal-PN Simon Busuttil, uffiċjali tal-Partit, Deputati u Kandidati. Preżenti kien hemm ukoll qraba ta’ Raymond Caruana.