Futbol Sport

Inter waħedhom fil-quċċata tas-Serie A

Mauro Icardi biċ-ċelebrazzjoni tipika tiegħu wara li skorja t-tieni gowl ta' Inter (Ritratt: EPA)

Inter jinsabu  waħedhom fil-quċċata tas-Serie A wara aktar minn sentejn, meta ħadu vantaġġ mit-telfa ta’ Napoli l-Ġimgħa u ġabu fix-xejna lil Chievo 5-0. Partita drammatika kienet dik bejn Benevento u Milan, bil-gowlkiper Brignoli jiskorja lejn it-tmiem u wara 14-il telfa ta l-ewwel punt lit-tim tiegħu filwaqt li ċaħħad lill-kowċ il-ġdid ta’ Milan Gennaro Gattuso minn bidu feliċi.

MILAN – Inter għelbu lil Chievo 5-0. Huma fetħu l-iskor fit-23 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ Ivan Perisic u rduppjaw kwarta wara b’gowl ta’ Mauro Icardi minn pożizzjoni angolata. Ivan Perisic għalaq il-logħba bit-tielet gowl fis-57 minuta wara azzjoni personali, u tliet minuti wara d-difensur Milan Skriniar għamilhom erbgħa b’daqqa ta’ ras. Ivan Perisic għaqqad it-tripletta personali u l-ħames wieħed għal Inter lejn it-tmiem b’xutt fil-baxx għar-rokna.

BENEVENTO – Benevento u Milan spiċċaw 2-2 f’logħba li kellha tmiem drammatiku. Milan fetħu l-iskor fit-38 minuta meta wara azzjoni ta’ Franck Kessie, id-difiża ta’ Benevento naqset li tbiegħed il-periklu u kien Giacomo Bonaventura li bit-tieni daqqa ta’ ras poġġa lil Milan minn fuq. Benevento ġabu d-draw fid-49 minuta b’George Puscas jiskorja mir-rebound wara li xutt ta’ Letizia kien salvat parzjalment minn Donnarumma.

Milan reġgħu marru fil-vantaġġ fis-57 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Nikola Kalinic wara kross ta’ Bonaventura. Iżda wara li tkeċċa Romagnoli fl-aħħar kwarta, Benevento ġabu d-draw bl-aktar mod drammatiku fil-95 minuta, meta minn free-kick mix-xellug, għola tajjeb il-gowlkiper Alberto Brignoli li b’daqqa ta’ ras għar-rokna ta l-ewwel punt fil-kampjonat lil Benevento u tappan id-debutt ta’ Gennaro Gattuso.

FIRENZE – Fiorentina għelbu lil Sassuolo 3-0. Giovanni Simeone fetaħ l-iskor fit-32 minuta b’daqqa ta’ ras u Jordan Veretout irdoppja għaxar minuti wara meta skorja fuq il-ġirja. Federico Chiesa għalaq il-logħba b’xutt għar-rokna fil-71 minuta.

BOLOGNA – Bologna u Cagliari spiċċaw 1-1. Joao Pedro kien poġġa lis-Sardi fil-vantaġġ lejn tmiem l-ewwel taqsima iżda Mattia Destro ġab id-draw għaxar minuti mit-tmiem.

GENOVA – Lazio rnexxielhom idawru telfa f’rebħa meta għelbu lil Sampdoria 2-1 biex baqgħu jissieltu mat-timijiet ta’ fuq filwaqt li taw l-ewwel telfa lil Sampdoria fi Stadio Marassi dan l-istaġun. Duvan Zapata fetaħ l-iskor favur Sampdoria fis-56 minuta, iżda Sergej Milinkovic-Savic ġab id-draw fid-79 minuta, biex Felipe Caicedo skorja l-gowl tar-rebħa fid-90 minuta.