Lokali

L-eks Maġistrat Taljan Antonio Di Pietro jindirizza protesta tan-Network tas-Socjetà Ċivili

In-normalità tinkiseb meta min jiġġieled il-korruzzjoni u jitfa’ l-ħallelin fil-ħabs ma jibqax jitqies bħala eroj iżda bħala persuna li qed tagħmel xogħolha. Jien kont biss qed nagħmel ix-xogħol tiegħi ta’ Maġistrat. Kien dan il-qofol tal-messaġġ ta’ Antonio Di Pietro, eks prosekutur Taljan, li kien il-kelliem ewlieni fid-dimostrazzjoni nazzjonali organizzata min-Network tas-Soċjeta’ Ċivili fil-Belt Valletta.

Antonio di Pietro kien Maġistrat ewlieni li fis-snin 90 investiga u kixef xibka ta’ korruzzjoni fl-Italja bejn politiċi u l-kummerċ. Hu qal li żar lil Malta l-ewwelnett biex isellem lil Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha. Bħal kollegi tiegħu Maġistrati Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, di Pietro qal li Daphne Caruana Galizia inqatlet għaliex kienet qed tagħmel dmirha, inqatlet għax sempliċement kienet qed tinforma.

Tenna li l-mafjuż mhux biss dak li jipponta l-pistola, l-azzarin u l-isplussiv iżda wkoll dak li jkun ta l-ordni biex jingħalaq ħalq min ikun fil-mira.

Hu qal li l-istituzzjonijiet jiċċaqilqu u l-azzjoni tittieħed meta kulħadd jibda’ jsemma leħnu. Daphne Caruana Galizia inqatlet għax kienet leħen waħedha. Kulħadd irid ikun bħal Daphne u jitkellem. Antonio di Pietro sostna li maż-żmien, bil-korruzzjoni imorru tajjeb il-ftit u jbatu l-ħafna.

L-ewwel kelliem tal-attività fil-Belt Valletta kien il-kittieb Immanuel Mifsud. Hu kkwota minn diskors li kienet għamlet il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika li saħqet dwar l-importanza tal-ħsieb kritiku f’soċjetà demokratika f’saħħitha. Immanuel Mifsud temm li bħalma stqarret il-President ta’ Malta tliet snin ilu hu wkoll jemmen li Repubblika li toħnoq il-ħsieb kritiku hi waħda dgħajfa.

Dan filwaqt li Miriam Galea, min-Network tas-Soċjeta’ Ċivili qalet li bħalissa qed ngħixu realta’ fejn il-medjokri u l-korrott intaptpulu fuq spalltu Hi qalet li t-tradituri m’humiex dawk li qed joġġezzjonaw għal standards tat-tielet dinja b’Kummissarju tal-Pulizija u Avukat Ġenerali li jibqgħu ċassi u ma jagħmlu xejn quddiem indikazzjonijiet ċari ta’ korruzzjoni. Qalet ukoll li rebħa elettorali ma tidfinx il-ħmieġ tal-korruzzjoni.

Il-Ġurnalista Caroline Muscat ikkritikat dak li sejħitlu bħala patrijottiżmu falz f’tentattiv biex jagħlqu ħalq min qed juri li l-istituzzjonijiet mhux qed jiffunzjonaw. Hi qalet li f’Malta hawn sistema korrotta ta’ qadi li qed tagħmel liċ-ċittadini kompliċi.

Caroline Muscat sostniet li ma nistgħux nibqgħu newtrali għaliex inkella nispiċċaw kompliċi. Filwaqt li qalet li l-Gvern qed jonfoq flejjes kbar biex jgħasses x’qed jgħidu n-nies fuq il-media soċjali, Dan filwaqt li spjegat li l-veru tradituri huma dawk li jagħżlu l-interessi personali fuq il-ġid komuni.