Manchester City komplew isaħħu posthom fil-quċċata tal-Premier League Ingliż wara li għelbu lil West Ham 2-1 fl-Etihad Stadium. Huma reġgħu jinsabu tmien punti vantaġġ fuq ir-rivali Manchester United qabel il-konfront ta’ bejniethom il-Ħadd li ġej.
B’din ir-rebħa, City laħqu r-rekord ta’ logħbiet mirbuħa b’mod konsekuttiv fil-Premier League Ingliż. Kienu West Ham li fetħu l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Angelo Ogbonna li skorja l-ewwel gowl fil-futbol Ingliż.
City ġabu d-draw fis-56 minuta b’gowl mill-viċin tad-difensur Nicolas Otamendi li kien imxellef minn Declan Rice, biex seba’ minuti mit-tmiem, David Silva għeleb lil Adrian wara li mattar siequ.
Fil-logħba l-oħra, Charlie Austin kompla bil-forma tajba tiegħu quddiem il-lasta meta salva lil Southampton minn telfa bil-gowl tad-draw kontra r-rivali Bournemouth.
L-attakkant tas-Saints skorja t-tielet gowl f’żewġ logħbiet fil-61 minuta wara li l-Iskoċċiż Ryan Fraser kien fetaħ l-iskor għaċ-Cherries li wkoll ipprotestaw għal penalty wara li Sofiane Boufal ġie imwaqqa’ fil-kaxxa minn Adam Smith, iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej.
Austin falla ċans tad-deheb meta kien fadal 10 minuti logħob u l-istess għamel Nathan Ake fuq in-naħa l-oħra iżda l-iskor baqa’ 1-1 biex it-tnejn ħadu punt kull wieħed.
//= $special ?>