Seba’ persuni ntbgħatu l-ħabs wara li fil-Qorti ammettew akkużi marbuta ma’ burdell li kien qed jopera minn ġewwa appartament fis-Swieqi.
Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli tressqet koppja, mara u raġel, mill-Bulgarija u kif ukoll ħames nisa, li l-etajiet tagħhom kollha jvarjaw minn 19-il sena sa’ 48 sena.
Il-Qorti semgħet kif l-arresti saru għaliex kien maħsub li kienet għaddejja attività ta’ traffikar tal-bnedmin, iżda aktar tard irriżulta li n-nisa kollha ġew Malta minn jeddhom biex jipprostitwixxu lilhom infushom.
Fost dawn in-nisa kien hemm mara ta’ 23 sena mill-Moldova li fl-interrogazzjoni qalet li ġiet Malta tlett ġimgħat ilu biex tħallas l-ispejjeż tal-mediċina ta’ ommha u biex tkun tista’ tieħu ħsieb lil bintha ta’ ħames snin. Wara li ammettiet, din intbgħatet sitt xhur ħabs.
Tlett nisa Moldovi oħra ta’ 19, 21 u 24 sena rispettivament ukoll ammettew l-akkużi kontrihom u ntbagħatu disa’ xhur ħabs.
Mara Bulgara oħra ta’ 44 sena, li nstab li kellha ammont żgħir ta’ droga kokaina għall-użu personali tagħha, u li jirriżulta li kienet tilqa’ lill-klijenti barra l-appartament, ammettiet ukoll u ntbgħatet sena ħabs.
Intbgħatet sena ħabs ukoll koppja, mara mill-Moldova u raġel mill-Bulgarija, li kienu qed imexxu l-Burdell. Is-seba’ persuni kollha ngħataw multa ta’ €200.
Il-burdell, li kien qed jitmexxa mill-koppja Bulgara, kien ilu jopera fi Triq il-Molletta fis-Swieqi għal din l-aħħar sena. Iż-żewġ persuni li kienu qed imexxu l-burdell ammettew li kienu qed jgħixu minn qliegħ mill-prostituzzjoni u ġew ikkundannati sena ħabs kull wieħed. Huma ngħataw ukoll multa ta’ €200.
Filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u John Spiteri, għall-akkużati deher l-avukat tal-Għajnuna Legali Chris Chircop.
//= $special ?>

