Sport Waterpolo

Stevie Camilleri jiskorja tripletta f’rebħa ta’ Roma Nuoto

Stevie Camilleri qed jilgħab ma' Roma Nuoto fil-kampjonat A2 fl-Italja

Il-plejer internazzjonali Malti Stevie Camilleri beda jħalli l-impatt mat-tim il-ġdid tiegħu, meta għen lil Roma Nuoto jegħlbu lil Latina Pallanuoto 10-7. Camilleri skorja tliet gowls f’dan id-derby ta’ Lazio biex għen lit-tim tiegħu jikseb l-ewwel rebħa fil-kampjonat.

It-tim ta’ Roberto Gatto dejjem kien fil-kontroll tal-logħba u ċaħħdu t-tentattivi ta’ rimonta tal-avversarji. Roma jilagħbu l-logħba li jmiss fid-9 ta’ Diċembru fis-6.00pm kontra Salerno.

Roma fetħu l-iskor wara ftit sekondi permezz ta’ Claudio Innocenzi. Ir-risposta ta’ Latina waslet għad-draw, iżda gowl minn sitwazzjoni ta’ raġel aktar ta’ Stevie Camilleri u Alessio Navarra taw vantaġġ doppju, biż-żagħżugħ Andrea Narciso jagħlaq l-ewwel sessjoni 4-1 favur Roma.

Latina daħlu fil-logħba b’żewġ gowls, iżda Narciso assiugra li jibqgħu żewġ gowls vantaġġ b’gowl tliet sekondi mit-tmiem.

Stevie Camilleri skorja t-tieni gowl personali fil-bidu tat-tielet sessjoni. Il-gowlkiper De Michelis salva żewġ tentattivi, iżda Latina rnexxielhom jaslu sa gowl minn taħt. Madankollu Roma rrispondew b’gowl taż-żagħżugħ Francesco Faraglia b’superjorita numerika. Latina temmew is-sessjoni bis-sitt gowl.

Innocenzi u Faraglia għamlu l-iskor 9-6, b’Stevie Camilleri jiskorja l-10-6 wara kontrattakk. Latina skorjaw l-aħħar gowl tal-logħba.

“Preparajna din il-logħba għal ġimgħa l-ġimgħa wkoll. Konna ġejjin minn draw kontra minn dawn f’Catania. Konna nafu li se nilagħbu kontra tim b’saħħtu, preparat u mħarreġ. Kuntent ħafna bl-atteġġjament tal-plejers għaliex kellhom il-kattiverja sportivi. Wieħed ma jridx jinsa li f’dan il-grupp hawn disa’ plejers mis-settur taż-żgħażagħ tal-klabb. Il-kampjonat ta’ din is-sena hu aktar bilanċjat,” qal il-kowċ ta’ Roma Roberto Gatto

Roma: De Michelis, De Santis, Faraglia (2), Moroni, De Robertis, Navarra 1, Camilleri (3), Innocenzi (2), Lapenna, Calcaterra, Africano, Narciso (2), Pinci. Kowċ: Gatto

Latina: Bonito, Simeoni, Mattiello (1), Migliaccio (4), Mauti, Falco, Mellacina, Maras (1), Parisi, Priori, Barberini (1), Mele, Giugliano. Kowċ: Mirarchi