Lokali Parlament

FILMAT: “Il-prijorità hi l-interess tal-ġustizzja” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara fil-parlament llejla li f’dan il-mument u quddiem l-arresti li saru dalgħodu fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiza, il-prijorità hi l-interess tal-ġustizzja.

L-arresti ta’ dalgħodu kienu s-suġġett ta’ stqarrija ministerjali mill-Prim Ministru Joseph Muscat u intervent mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia llejla.

Il-Prim Ministru qal li l-operazzjoni inkludiet membri tal-FAM u l-Pulizija u kienet ilha għaddejja diversi ġimgħat. Fiha kienu arrestati 10 persuni li huma involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-operazzjoni saret f’diversi lokalitajiet u l-persuni arrestati huma magħrufa mal-pulizija.

Hu qal li l-informazzjoni trid tinqasam mal-poplu imma ma jridx jippreġudika l-każ. Il-Forzi tas-Sigurtà se jagħtu aktar informazzjoni skont il-każ u waqt il-kumpilazzjoni se tingħata iktar informazzjoni dwar il-koordinazzjoni ta’ entitajiet investigattivi barranin. Il-Gvern hu determinat li jinvestiga kull aspett biex il-każ ikun solvut.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li hu jifhem is-sensittività tal-każ u l-interess primarju ewlieni hu l-interess nazzjonali li ssir ġustizzja. Hu qal li mhux se jsaqsi dettalji relatati mal-każ iżda jrid jifhem li hemm raġunijiet li l-Prim Ministru għażel li jitkellem qabel it-48 siegħa li ssemmew.

Hu qal li jifhem li dawn m’humiex ċirkostanzi normali u li f’dawn iċ-ċirkostanzi kellu jkun il-Kummissarju tal-Pulizija li jinforma lill-poplu dwar dak li jkun għaddej. Ftit minuti wara l-konferenza tal-aħbarijiet mill-Pirm Ministru, il-Kummissarju kien f’attività li m’għandha x’taqsam xejn. Hu staqsa jekk il-Kummissarju hux invovlut iktar f’dan il-każ u f’dawn it-48 siegħa fundamentali.

Adrian Delia qal li oriġinarjament kien hemm tmien suspetti li telgħu għal 10 iktar tard u staqsa jekk dawn l-istess nies kinux diġà issejħu fil-ġranet ta’ wara li seħħ il-qtil. Hu staqsa wkoll jekk kinitx rispettata s-sensittività tal-familja.

Il-Prim Ministru wieġeb li hu għażel li jitkellem għaliex għandu l-informazzjoni f’idejh u li kien fid-dmir li jaqsam din l-informazzjoni dwar l-arresti mal-pubbliku. Għalhekk hu talab parir kif dan għandu jsir. L-operazzjoni kienet waħda kbira li ma setgħetx tinħeba għaliex fiha kien hemm involuti l-helicopters u elementi oħra.

Ma kienx possibbli li l-gvern ma jikkummentax dwar dan. Il-Kummissarju hu involut fl-operazzjoni iżda hu tajjeb li d-dikjarazzjoni saret mill-gvern għaliex id-dikjarazzjoni mill-pulizija issir kemm-il darba l-pulizija kienu qed jikkonfermaw il-konvinzjoni tagħhom li jressqu xi persuni l-qorti. Il-Gvern għandu rwol lil hinn mill-pulizija.

Il-Prim Ministru qal li mhux il-persuni kollha huma magħrfua mill-pulizija. Hu qal li mhux se jidħol f’kontroversja mal-familja Caruana Galizia u sostna li l-Maġistrat ta l-pre-avviż. Dan hu pass importanti ħafna li fih irridu nistennew dan il-proċesss jgħaddi biex wara tingħata l-informazzjoni kollha għaliex illum m’inix fil-libertà li ngħidha. Dak li jgħaqqad lill-poplu u lill-parlament hu li min wettaq id-delitt u min ħasbu jinġiebu quddiem il-ġustizzja, sostna l-Prim Ministru.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni temmen li l-prijorità mhux gwadan politiku iżda l-interess tal-ġustizzja biex jinqabad min kien il-manant wara l-qtil.