Kultura

Attivitá unika fil-Forti Sant’Anġlu fi tmiem il-ġimgħa – Dħul bi prezz imraħħas il-Ħadd

Heritage Malta, bil-kollaborazzjoni tal-Compagnia San Michele Malta flimkien ma’ Prioratus Hospitalis Acconnensis ta’ Bologna, se torganizza attivitá unika fil-Forti Sant’Anġlu bejn it-8 u l-10 ta’ Diċembru. Għal din l-okkażjoni d-dħul fil-forti se jkun nofs prezz nhar il-Ħadd 10 ta’ Diċembru.

Il-qofol ta’ din l-attivitá unika se tkun l-istorja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, mill-bidu tal-ħidma tagħhom fl-Art Imqaddsa sakemm kienu kostretti jitilqu minn Malta. Il-Forti Sant’Anġlu kienet l-għażla naturali għal din l-attivitá għall-fatt li għandu rabta simbolika mal-istorja tal-Ordni f’Malta kif ukoll għax għad hemm il-preżenza tal-Ordni f’din il-forti.

L-attivitá tinkludi numru ta’ taħditiet relatati mas-suġġett, kunċert mill-Cappella Sanctae Catharinae (is-Sibt filgħaxija biss) u numru ta’ żjajjar madwar il-forti f’ordni kronoloġika skont il-perjodu rappreżentat.

Filwaqt li l-prezz tad-dħul matul il-Ġimgħa u s-Sibt se jkun bir-rata normali, il-Ħadd id-dħul se jkun nofs prezz, bl-adulti jħallsu €4, l-anzjani, studenti u adoloxxenti jħallsu €2.50 filwaqt li tfal taħt 12-il sena jidħlu b’xejn. Il-Ħadd il-viżitaturi se jkunu jistgħu jżuru wkoll il-parti ta’ fuq tal-Forti Sant’Anġlu li hija taħt ir-responsabbiltá tal-Ordni Militari Sovran ta’ Malta.

Iktar tagħrif dwar Heritage Malta u l-attivitajiet li torganizza jinsab fuq website, www.heritagemalta.org, filwaqt li għal iktar tagħrif dwar din l-attivitá żur il-paġna ta’ Facebook: https://www.facebook.com/OSJhistory2017/