Lokali

FILMAT: Il-Kummissarju jaħrab mill-media u jevita mistoqsijiet dwar l-arresti

Jattendi ċeremonja li m'għandha x'taqsam xejn mal-operazzjoni wiegħsa u l-arresti marbuta mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar naqas li jagħti kummenti lill-media fl-ewwel opportunità li kellu biex jaġġorna lill-pubbliku dwar l-andament tal-operazzjoni ta’ sigurtà li fiha ġew arrestati tal-anqas għaxar persuni b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-media kollha, inkluż NET News, dalgħodu kienet mistiedna għal attività fid-Depot tal-Pulizija li m’għandha x’taqsam xejn mal-avvenimenti ta’ dalgħodu. Hemmek, il-media provat tieħu l-kummenti tal-Kummissarju. Fi tmiem iċ-ċeremonja, li matulha ġew ingaġġati mill-ġdid fil-Korp tal-Pulizija eks membri tal-Korp, il-media baqgħet tistenna lill-Kummissarju tal-Pulizija fuq wara tas-sala bit-tama li tieħu reazzjoni tal-Kummissarju.

Iżda sfortunatament, il-Kummissarju tal-Pulizija ħareġ mis-sala u l-media baqgħet mingħajr kummenti. Uffiċjal tal-Pulizija preżenti fis-sala kkonfermat li l-Kummissarju ma kienx se jagħti kummenti.

Diversi persuni diġà staqsew għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ma kienx preżenti mal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja dwar dan il-każ. Sa issa għad mhux magħruf meta se tkun organizzata konferenza tal-aħbarijiet mill-Korp tal-Pulizija.