Il-Korp tal-Pulizija ppubblika filmati li juru l-mumenti x’ħin għaxart irġiel ġew arrestati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – fejn skont rapporti fil-media jidher li tnejn minnhom ġew identifikati bħala l-aħwa De Giorgio – Alfred Degiorgio magħruf bħala Il-Fulu, u George Degiorgio magħruf bħala Iċ-Ċiniż.
L-arresti kollha saru f’operazzjoni konġunta bejn il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija u s-Servizzi Sigriet ftit qabel it-tmienja ta’ filgħodu meta numru kbir ta’ suldati u Pulizija għamlu tliet raids fi tliet postijiet separati: max-xatt tal-Marsa, f’Buġibba u f’Ħaż-Żebbuġ. Filfatt il-ħelikopter tal-Forzi Armati għamel ħin twil idur fuq l-inħawi fejn saru r-raids, u l-patrol boat imblukkat iż-żona tal-baħar fejn kienet qed issir l-operazzjoni max-xatt tal-Marsa.
Il-filmat kien ippubblikat tard it-Tnejn filgħaxija mill-Korp tal-Pulizija u juri filmati tar-raid li sar fil-Marsa… filmati kemm mill-ajru kif ukoll minn kameras imqabbdin mal-uniformijiet tas-servizzi tas-sigurtà Maltin.
Filfatt, fl-ewwel parti tal-filmat, jidhru numru ta’ suldati mill-Forzi Armati ta’ Malta jaslu max-xatt ta’ Lighter Wharf abbord patrol boats fejn minn hemmek daħlu ġo tinda antika tal-patata fejn qabdu lil uħud minn dawk li aktar tard ġew arrestati. Sakemm is-suspettati kienu qed jingħataw struzzjonijiet mis-suldati tal-patrol boats, waslu numru ta’ vetturi oħra min-naħa tat-triq, li ċ-ċirkundaw it-tinda qabel daħlu armati biex iwettqu l-operazzjoni.
L-għaxar irġiel arrestati jridu jitressqu quddiem il-Qorti fi żmien 48 siegħa mill-arrest tagħhom, fejn bħalissa qed jinżammu fil-Lock-up tad-Depot tal-Pulizija fil-Furjana.
FILMAT: Żewġt aħwa identifikati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
//= $special ?>FILMAT: X’nafu s’issa dwar 10 Maltin li ġew arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia