Lokali

FILMAT: X’nafu s’issa dwar 10 Maltin li ġew arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Aġġornata

Dalgħodu ssejħet konferenza tal-aħbarijiet urġenti f’Kastilja, fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat ta dettalji dwar dawk arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

1. Għaxra arrestati – kollha Maltin

Filgħodu tħabbar li ġew arrestati tmien persuni li kollha huma Maltin. Il-Prim Ministru uża l-kliem “sa issa”, u dan ifisser li mhux eskluż li jiġu arrestati persuni oħrajn. Il-Prim Ministru qal li l-arresti huma frott ta’ investigazzjonijiet li damu għaddejjin ġimgħat. Aktar tard, fuq twitter, il-Prim Ministru ħabbar li kienu ġew arrestati żewġ persuni oħra – bit-total ta’ arrestati jitla’ għal 10.

2. Operazzjoni ta’ sigurtà u raids f’numru ta’ postijiet

Il-Prim Ministru qal li “dalgħodu” saret operazzjoni ta’ sigurtà. Meta mistoqsi jekk l-arresti għandhomx x’jaqsmu ma’ raid fil-Marsa, il-Prim Ministru kkonferma iżda żied li saru arresti f’Ħaż-Żebbuġ, Buġibba u kif ukoll “postijiet oħra”.

3. Ma saritx distinzjoni bejn min ordna l-qtil u min wettqu

Mistoqsi jekk minn dawk arrestati tistax tingħata informazzjoni dwar min minnhom wettaq il-qtil u min ordna li jsir il-qtil, il-Prim Ministru qal li għalkemm għandu ideat ċari dwar it-tweġiba ta’ din il-mistoqsija, ma jistax iwieġeb għalissa. “Jekk inweġibha f’dan l-istadju meta l-persuni għadhom ma ġewx iterrogati u għadhom ma tressqux il-Qorti, jista’ jkun li t-tweġiba tiegħi tippreġudika l-każ”, qal Muscat.

4. Min huma l-arrestati?

Mistoqsi minn NET News jekk l-arrestati għandhomx passat magħruf mal-Pulizija, il-Prim Ministru qal li uħud minnhom diġà dehru l-Qorti f’każijiet oħrajn, però mhux kollha. Qal ukoll li hemm persuni li huma magħrufa mal-Pulizija filwaqt li hemm persuni oħra li filwaqt setgħu kienu magħrufa mal-Pulizija, mhux bilfors li għandhom każijiet pendenti.

5. Għandha x’taqsam mal-kuntrabandu tal-fuel?

Mistoqsi din il-mistoqsija, il-Prim Ministru qal li mistoqsija bħal din ma jistax iweġibha, u għandha tiġi mwieġba fil-prosekuzzjoni.

6. Xi jmiss?

Bil-liġi, il-Pulizija għandhom 48 siegħa biex jinterrogaw lill-arrestati. Wara l-interrogazzjoni jiġi deċiż jekk dawn il-persuni għandhom jitressqu l-Qorti taħt arrest. Dan ifisser li jekk se jitressqu xi nies il-Qorti dwar dan il-każ, dan bilfors għandu jsir fit-48 siegħa li jmiss.