Għaxart irġiel ġew arrestati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – fejn skont rapporti fil-media jidher li tnejn minnhom ġew identifikati bħala l-aħwa De Giorgio – Alfred Degiorgio magħruf bħala Il-Fulu, u George Degiorgio magħruf bħala Iċ-Ċiniż. Skont sorsi, jidher li l-aħwa De Giorgio flimkien ma’ tmint irġiel oħra kienu qegħdin jużaw maħżen mal-moll fil-Marsa biex jippjanaw reati kriminali. Uħud mill-grupp ta’ suspettati huma magħrufa sew mal-Pulizija.
Filgħodu kmieni, għaxar min-nies ġew arrestati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – b’operazzjoni konġunta bejn il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Korp tal-Pulizija.
Ftit qabel it-tmienja ta’ filgħodu, numru kbir ta’ suldati u Pulizija għamlu tliet raids fi tliet postijiet separati: max-xatt tal-Marsa, f’Buġibba u f’Ħaż-Żebbuġ. Filfatt il-ħelikopter tal-Forzi Armati għamel ħin twil idur fuq l-inħawi fejn saru r-raids, u l-patrol boat imblukkat iż-żona tal-baħar fejn kienet qed issir l-operazzjoni max-xatt tal-Marsa.
L-aktar operazzjoni intensiva saret fil-Marsa – fejn il-ħidma tal-Forzi Armati u tal-Pulizija għalqet l-aċċess tat-triq kollha tal-Moll tal-Braken bl-użu tal-vetturi tar-Rapid Intervention Unit u l-Armata ta’ Malta. Fuq il-post ukoll ġiet imsejħa s-sezzjoni tal-Bomb Disposal u s-sezzjoni tal-klieb tal-Pulizija. L-operazzjoni wkoll inkludiet l-użu ta’ drone biex tittieħed viżwal taż-żona mill-ajru wkoll.
Mal-moll fil-Marsa, fejn seħħ l-aktar raid ikkonċentrat f’din l-operazzjoni – kien hemm numru ta’ dgħajjes tal-irmonk u mħażen max-xatt fejn l-aċċess għalihom kien magħluq u ma tħalla ħadd jopera f’din it-triq minbarra l-ħaddiema tal-Enemalta u xi ħaddiema fuq il-laneċ irmonkati. Il-Pulizija u s-suldati li kienu qegħdin fuq il-post f’din l-operazzjoni speċjali kienu armati b’armi u protezzjoni, lesti għal kull eventwalita’.
Issa dawn l-għaxar irġiel iridu jitressqu quddiem il-Qorti fi 48 siegħa mill-arrest tagħhom, fejn bħalissa qed jinżammu arrestati fil-Lock-up tad-Depot tal-Pulizija.
//= $special ?>