Il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol fl-Italja (FIGC) se jkun elett fid-29 ta’ Jannar li ġej.
Dan wara li fil-ġimgħat li għaddew , l-President Carlo Tavecchio rriżenja mill-kariga, ġimgħa wara li l-Italja kienet sfat eliminata mit-Tazza tad-Dinja.
L-Italja naqqset milli tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 wara li tilfet play-off fuq żewġ legs kontra l-Iżvezja u jum wara l-kowċ nazzjonali Giampiero Ventura kien tkeċċa mill-kariga filwaqt li f’laqgħa tal-Federcalcio, għall-ewwel, Tavecchio kien konfermat bħala President wara li kiseb il-fiduċja mill-membri.
Madankollu, ġimgħa wara Tavecchio ċeda għall-pressjoni li saret fuqu u ħalla din il-kariga li kien ilu jokkupa sa minn ftit xhur wara li l-Italja kienet eliminata mit-Tazza tad-Dinja tal-2014.
Tavecchio għalissa għadu qed imexxi l-Federazzjoni sakemm ikun magħżul President minfloku. Fost dawk favoriti biex ikunu kandidati għall-elezzjoni Presidenzjali hemm Damiano Tommaso li hu l-President tal-assoċjazzjoni tal-plejers.
Minn naħa tiegħu l-President tal-Kumitat Olimpiku Taljan (CONI) Giovanni Malago qal li jekk sal-11 ta’ Diċembru ma jkunx magħżul President temporanju sa Jannar, ikun hu li jagħżel din il-persuna.
Hu qal li sakemm isiru l-elezzjonijiet Presidenzjali tal-FIGC suppost ikun hu li jmexxi lill-Federazzjoni b’mod temporanju, anke jekk personalment qal li jkun ideali għalih jekk ikun xi ħaddieħor li jagħmel dan minħabba l-impenji li għandu.
Intant, f’intervista l-ekskowċ ta’ Bayern Munich Carlo Ancelotti żvela li hu kien ikkuntattjatj mill-FIGC u offrut kariga ta’ kowċ nazzjonali imma qal li rrifjuta għax għalissa għadu jrid jibqa’ jmexxi tim fuq bażi regolari.
Filwaqt li qal li hu onorat li kien qed jitqies bħala xi ħadd kapaċi li jmexxi lill-Italja qal li jrid jibqa’ jaħdem fi ħdan klabb. Hu żvela wkoll li jixtieq jerġa’ jaħdem fl-Italja.
//= $special ?>