Lokali

Ikompli t-twaqqiegħ ta’ Villa Injazju; Jirreaġixxu l-NGO’s u l-Kamra Maltija tal-Periti

Ix-xogħol biex titwaqqa’ Villa Injazju fil-Balluta San Ġiljan beda fuq ordni tal-Qorti li ngħatat f’Ġunju.

Madanakollu ix-xogħol tat-twaqqiegħ żied il-kontroversja u l-kritika għal din id-deċiżjoni, waqt li żdiedu l-appelli kontinwi mir-residenti u l-NGOs biex il-binja storika ta’ Villa San Injazju fil-Balluta ma titwaqqax.

Ftit tal-jiem ilu, ġie rrappurtat li Din l-Art Ħelwa flimkien mar-residenti ħeġġew lill-awtoritajiet responsabbli biex iwaqqfu x-xogħol. Skont il-permess li ħareġ mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, l-unika awtorizazzjoni kienet biss dwar ħitan interni u mhux dawk esterni kif jidher fil-filmat. Il-Villa San Injazju hi waħda mill-aktar binjiet qodma fiż-żona tal-Balluta, fejn hemm dokumenti jixhdu dan sa mill-1839.

Fl-aħħar sigħat Din l-Art Ħelwa fi stqarrija qalet li tinsab ixxokjata għall-mod kif qed isir abbuż tal-policies u l-liġijiet li suppost jipproteġu l-wirt ta’ bini storiku ta’ pajjiżna. Din l-art ħelwa tagħmel referenza għal dak deċiż mill-Awtorita’ tal-Ippjanar li minn applikazzjoni biex jitwaqqgħu xi xorok fuq ġewwa biss kien inbidel il-permess wara li saret modifikazzjoni fl-applikazzjoni, biex il-binja titwaqqa’ kompletament.

L-għaqda mhux governattiva qed issostni li x-xogħol li kien għaddej fuq din il-binja is-Sibt 2 ta’ Diċembru kien illegali li jsir għaliex kienet qed tinkiser kundizzjoni partikolari li l-Awtorita’ tal-Ippjanar kienet taf bih, biex xoghol ta’ twaqqih kompla matul il-gurnata tat-tnejn.

L-istqarrija ta’ Din l-Art Helwa t-temm tgħid li l-Awtorita’ tal-Ippjanar għandha minnufih twaqqaf it-twaqqih ta’ din il-binja storika, itella’ dak li twaqqa’ u fuq kollox tassigura kif inhu dmirha li l-wirt ta’ bini storiku f’pajjiżna jinżamm intatt u mhux tagħti l-permessi biex jitwaqqa’.

Irreaġixxiet anke l-Kamra Maltija tal-Periti li sostniet li dan il-vandaliżmu fuq bini li għandu valur storiku għall-pajjiżna għandu jieqaf. Fi stqarrija sostniet li l-Awtorita’ tal-Ippjanar għandha l-obbligu li tagħmel dan.

Il-Kamra tal-Periti ssostni anke li f’pajjiżna għandna ħafna regoli u liġijiet li jekk ma jitħadmux tajjeb u faċli li jkunu njorati jew li jkunu applikati ħażin. Fl-istqarrija jingħad anke li f’pajjiżi oħra meta binja ta’ valur storiku titwaqqa’ minħabba nuqqasijiet ta’ osservanza lejn dawn ir-regoli u liġijiet, il-Qorti tordna biex din terġa tinbena.

Iżda f’pajjiżna il-permess għat-twaqqih ta’ din il-binja ħareġ fuq ordni tal-Qorti.