Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qalet li l-mod kif ingħataw l-aħbarijiet dwar l-arresti, jindikaw li hemm nuqqasijiet istituzzjonali serji.
Fi stqarrija, il-familja qalet li l-aħbar tal-arresti ngħatat mill-Prim Ministru u mhux mill-Korp tal-Pulizija, li jidher li qed jagħżel li jinforma lill-Prim Ministru waqt li jeskludi l-familja tal-vittma minn żviluppi kritiċi fl-investigazzjoni.
Il-familja żiedet li saret taf bl-aħbarijiet mill-media u dan ifisser li anke l-media saret taf bl-iżviluppi qabel il-familja stess.
Anke meta tħabbar li kienu ġew arrestati żewġ persuni oħra, biex it-total tal-arrestati telgħu għal għaxra, il-familja saret taf minn fuq twitter, li jfisser għal darb’oħra li Muscat ġie nfurmat qabel ġiet infurmata l-familja u li l-media saret taf qabel ukoll.
“Imur kontra d-dinjità ta’ kull uffiċju pubbliku li informazzjoni kritika dwar investigazzjoni mill-Pulizija dwar assassinju, tinħareġ mill-Prim Ministru fuq is-social media flok mill-Pulizija,” żiedet tgħid il-familja Caruana Galizia fl-istqarrija, waqt li nnutat kif għall-Prim Ministru Joseph Muscat, il-priorità hi biss kif jidher f’għajnejn in-nies.
Il-familja qalet li f’każijiet kbar bħal dawn, għandu jkun hemm persuna ta’ kuntatt mill-familja biex ikun hemm komunikazzjoni formali bejn il-familja u l-Korp tal-Pulizija, xi ħaġa li sa issa ma teżistix. Il-familja fakkret ukoll li diġà kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tiġbidlu l-attenzjoni dwar in-nuqqas ta’ komunikazzjoni formali min-naħa tal-Korp u dwar in-numru kbir ta’ ‘leaks’ li jippreġudikaw l-integrità tal-investigazzjoni.
Il-familja nnutat ukoll li siegħa wara l-arresti, fil-media kienu diġà ġew illeakjati ritratti ta’ xi arrestati, bil-familja tistaqsi għaliex il-Korp qed jilleakja ritratti ta’ xi suspettati u mhux ta’ oħrajn.
Sadanittant, tħassib simili kien espress ukoll minn wieħed mit-tfal ta’ Daphne Caruana Galizia – Matthew Caruana Galizia individwalment, li fuq twitter li hemm xi ħaġa ħażina ħafna, meta l-familja tal-vittma ssir taf dwar l-arresti ta’ persuni mqabbda biex joqtluha, permezz ta’ retweet minn uffiċjal tal-partit fil-Gvern.
//= $special ?>