“Il-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ jitkellem b’vuċi waħda favur is-sewwa. Għax hemm leħen wieħed biss li jista’ jieqaf lil dan il-Gvern – magħqud u b’vuċi waħda” – kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-attivisti fil-Każin ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-aħħar żviluppi fil-pajjiż wara li ġew arrestati għaxart irġiel b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u kif issa l-Oppożizzjoni trid tkun hi li tassigura li verament issir ġustizzja f’pajjiżna. Kien hawnhekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia semma’ kif tul il-milja tas-snin dejjem kien il-Partit Nazzjonalista li semma’ leħen il-poplu u ġġieled għall-ġustizzja. Filfatt il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ kif fil-Parlament saħaq li hu jifhem is-sensittività tal-każ u l-interess primarju ewlieni hu l-interess nazzjonali li ssir ġustizzja. Hu qal li mhux se jsaqsi dettalji relatati mal-każ iżda jrid jifhem li hemm raġunijiet li l-Prim Ministru għażel li jitkellem qabel it-48 siegħa li ssemmew.
Intant, Adrian Delia tkellem ukoll dwar kif fl-aktar sigħat kruċjali fl-investigazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – hekk kif il-Pulizija għandha biss 48 siegħa biex tressaq l-evidenza – il-Kummissarju kellu affarijiet aktar importanti x’jattendi minflok jassigura li tinkiseb evidenza.
Fuq nota aktar politika, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun eqreb tan-nies. “Il-politika trid tkun mibnija fuqiex in-nies qed jaspiraw li jaraw lill-pajjiż fil-ġejjieni” – tenna Adrian Delia. Għalhekk saħaq li l-każini tal-Partit Nazzjonalista jridu jkunu l-post fejn in-nies u l-familji jiltaqgħu biex jitkellmu u jsemmgħu leħinhom.
//= $special ?>