Internazzjonali

Terremot ħafif fiċ-ċentru tal-Italja

Kien hemm mumenti ta’ paniku hekk kif matul il-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn kien hemm tħeżżiża ħafifa ta’ terremot fiċ-ċentru tal-Italja.
L-epiċentru kien barra Amatrice, fejn fis-sajf tas-sena li għaddiet kien għamel terremot qawwi li ħalla mat-300 persuna mejta.
It-terremot tal-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn kellu l-qawwa ta’ 4.2 fuq l-Iskala Richter, iżda ma kienx hemm rapporti ta’ vittmi jew ħsara kbira. Skont l-Istituto nazionale di geofisica e vulcanologia (Ingv), it-terremot seħħ fi fond ta’ tmien kilometri u l-epiċentru kien tmien kilometri minn Amatrice.