Lokali

Bħal-lum 31 sena nqatel Raymond Caruana

31 sena ilu. Fil-Gudja,. Bil-lejl. Skiet taqghtu b’sikkina. Il-każin Nazzjonalista għadu miftuħ mixgħul. Fl-ewwel kamra grupp ta’ żgħażagħ jitkellmu. Minn barra jidher li fuq ġewwa hemm in-nies.

Fil-11 ta’ bil-lejl tgħaddi vettura b’partitarji Laburisti minn quddiem il-każin. Jiġu sparati tiri lejn il-bieb miftuħ tal-każin.

In-Nazzjonalisti fuq ġewwa jiġru għal ħajjithom. Raymond Caruana jitbaxxa biex jevita t-tiri. Mit-13-il tir sparat fuq il-każin, jidħol wieħed ġewwa, jkisser il-ħġieġa tal-antitporta u joqtol lil Raymond Caruana.

L-investigazzjonijiet jikkonfermaw li s-sub machine li ntuża fil-qtil kien l-istess wieħed li erbat ijiem qabel partitarji Laburisti sparaw minnu fuq il-każin Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien u li wara l-qtil politiku fil-Gudja tpoġġa fir-razzett ta’ Pietru Pawl Busuttil fil-frame up li sar fuqu bl-iskop li jinħeba l-veru qattiel ta’ Raymond Caruana.