Lokali

“Eliminawh” – Theddida fil-konfront tal-MEP David Casa

F’grupp fuq Facebook għall-partitarji Laburisti, saret theddida oħra fil-konfront tal-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.

Din id-darba, it-theddida kienet indirizzata fil-konfront tal-MEP David Casa minn raġel li kiteb: “Eliminawh lil dan il-brigant ta’ pajjiżu”. Il-kumment inkiteb fi grupp bl-isem “Laburisti sal-mewt” taħt ‘post’ li kien jinkludi ritratt ta’ David Casa bil-kliem: “l-akbar traditur ta’ Malta”.

Il-każ tqajjem f’blog post mill-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Alan Abela-Wadge.

Dan isegwi każ ieħor riċenti ta’ theddid fuq l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista hekk kif xi ġimgħat ilu, raġel bl-isem ta’ Emanuel Navarro kien hedded lill-MEP Roberta Metsola.

Navarro kien kiteb li Roberta Metsola għandha tinħaraq ħajja, theddid li kien wassal biex tressaq il-Qorti mill-Pulizja. Meta tressaq għall-ewwel darba hu ma kienx ingħata l-libertà proviżorja, f’deċiżjoni mill-Qorti li kienet qanqlet attakk mill-kelliem ta’ Joseph Muscat, Manwel Cuschieri, li fuq ir-radju Laburista kien kritika l-Qorti għad-deċiżjoni tagħha.

Il-kelliem ta’ Muscat Manwel Cuschieri jattakka l-Qorti wara li r-raġel li hedded lil Metsola nżamm taħt arrest