Lokali Parlament

Esperjenza ta’ apprendistat għal kull student – Therese Comodini Cachia

Ħtieġa ta’ standards għolja bħal ta’ taħriġ ieħor

Meta waqt is-seduta Parlamentari tat-Tlieta filgħaxija kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi dwar Tagħlim Ibbażat fuq Xogħol u Apprendistat, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia qalet li dan l-appoġġ mhux biss qed ifassal qafas regolatorju imma qed isaħħaħ l-opportunità ta’ kull student li jkollu esperjenza ta’ apprendistat. Hija sostniet li għandu jkun hemm standards għoljin fit-taħriġ vokazzjonali – kif nistennew minn kull tip ta’ taħriġ. Hija saħqet li dawn l-istandards jgħinu sabiex is-sagrifiċċji tal-istudenti, tal-edukaturi, it-trainers u l-isponsors jissarrfu f’rikonoxximent ta’ valur.

Fil-bidu tad-diskors tagħha Therese Comodini Cachia għamlet referenza għall-aħbar li l-eks canvasser ta’ Evarist Bartolo, Edward Caruana, se jitressaq il-Qorti u qalet li għad jasal iż-żmien meta xi ħadd ikollu jerfa’ r-responsabilità politika.

Id-Deputat Karl Gouder tkellem dwar l-importanza li l-Gvern jidħol fi djalogu mal-industriji ż-żgħar u jagħtihom l-għodod meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jimpjegaw iktar apprendisti. Kar Gouder saħaq li, fl-istess ħin, għandna d-dmir li ngħinu lill-apprendisti billi nirrispettaw l-abilitajiet differenti tagħhom u permezz tat-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet edukattivi bħall-MCAST u l-ITS.  Huwa qal li għandu jsir moniteraġġ serju tal-iskema tal-apprendistat sabiex din l-iskema tkun suċċess.

Id-Deputat Edwin Vassallo silet id-differenza bejn il-prinċipji wara din il-liġi u r-realtà li wieħed isib barra l-Parlament. Fost temi oħrajn, huwa semma l-kriżi tal-għalliema u l-kriżi tad-dixxiplina li hemm fl-iskejjel.

Huwa semma wkoll każijiet fejn kienu żarmati postijiet tax-xogħol fost l-oħrajn meta numru ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu fi printing presses differenti kienu offruti xogħol f Crane Currency bil-konsegwenza li printing presses oħra spiċċaw bla ħaddiema. Bl-istess mod numru ta’ kumpaniji Għawdxin spiċċaw bla ħaddiema għax ħafna kienu offruti xogħol mal-Gvern.

Id-Deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li lil hinn mill-akkreditazzjoni, din l-iskema ta’ apprendistat se tkun qed tagħti empowerment liż-żgħażagħ minbarra li tgħin biex tagħtihom valuri u għaldaqstant issaħħaħ il-ġid komuni tas-soċjetà. B’referenza għat-tnaqqis tal-età għall-kunsens sesswali għal 16-il sena, id-Deputat Godfrey Farrugia ssuġġerixxa banding ta’ 4 snin sabiex il-PSCD ihejji liż-żgħażagħ għal din il-bidla.

Fil-bidu tas-seduta l-Ministru Evarist Bartolo spjega l-għanijiet wara dan l-abbozz ta’ liġi partikolarment biex studenti li għandhom abilitajiet differenti minn dawk akkademiċi jkunu akkreditati wkoll permezz ta’ skema bħal dik proposta f’dan l-abbozz ta’ liġi. Minn naħa tiegħu l-Ministru Chris Cardona tkellem dwar kif il-Malta Enterprise mistennija tagħti inċentivi fil-linji gwida tagħha għal dawk li jipparteċipaw f’din l-iskeda.