Lokali

Fil-ħin li ġej 3 persuni mistennija jitressqu l-qorti

Fil-ħin li ġej, il-Pulizija mistennija jressqu l-Qorti, possibilment tliet persuni minn fost l-għaxra li ġew arrestati lbieraħ u jkunu akkużati li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

S’issa l-uniċi ismijiet li ssemmew u li x’aktarx ikunu fost dawk li jitressqu l-Qorti huma l-aħwa Alfred Degiorgio magħruf bħala “il-Fulu” u George Degiorgio “iċ-Ċiniż, kif ukoll Vince Muscat magħruf bħala l-“Koħħu.

Skont rapporti, kontra it-tliet persuni, l-pulizija ghandha f’idejha provi qawwija b’riżultat ta’ investigazzjonijiet fit-tul li saru fl-aħħar ġimgħat anke bl-għajnuna ta’ esperti barranin.

L-aħwa Degiorgio, it-tnejn li huma magħrufa sew mal-Pulizija, u kemm-il darba ġew interrogati dwar reati kriminali relatati fost oħrajn ma’ serq u droga. It-tliet irġiel fil-passat issemmew mal-każ tal-attentat ta’ serqa mill-bank HSBC ta’ Ħal Qormi fl-2010. Waqt li l-Koħħu kien tressaq il-Qorti akkużat b’dan il-każ, l-aħwa Degiorgio kienu implikati fih, iżda qatt ma tressqu.

Sadanittant waqt li komplew it-tfitxijiet,  għaddasa tal-Forzi Armati tellgħu xi oġġetti mill-baħar li jistgħu jservu bħala evidenza f’dan il-każ.