Internazzjonali

Il-Prim Ministru tal-Libanu jirtira r-riżenja

Il-Prim Ministru tal-Libanu, Saad Hariri, irtira uffiċjalment ir-riżenja, b’dan ikun ikkonfermat  xahar wara li hu kien ixxokkja lill-pajjiż bl-aħbar ‘li kellu jitlaq’.

Il-kumment xokkanti ta’ Hariri kien sar fl-Arabja Sawdija u l-Prim Ministru Lebaniż, fl-aħħar ġimgħatejn, kien iddeċieda diġà li jissospendi ‘ir-riżenja’, wara li kien wasal lura fil-Libanu.

Issa hu stqarr li s-sitwazzjoni ġiet riżolta wara li l-membri kollha tal-Gvern qablu biex ma jinvolvux ruħhom fl-affarijiet tal-Istati Għarab l-oħra. Hariri, ġimgħat ilu, akkuża lill-grupp Hezbollah — sieħeb fil-koalizzjoni li hu qed imexxi f’Bejrut — b’li kien qed joħloq ‘l-inkwiet’ madwar ir-reġjun. Din l-akkuża kienet estiża wkoll għall-Iran, li hu alleat ewlieni tal-Hezbollah.

Saad Hariri, xahar ilu, kien irrefera wkoll għal ‘kumplott kontra ħajtu’ iżda baqa’ ma provdiex id-dettalji dwar dan.