Filwaqt li għad ma ntlaħaq l-ebda ftehim konkret bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, il-Ministri f’Londra qalu li ‘l-ebda parti mir-Renju Unit mhi se tkun trattata b’mod differenti’ fit-taħditiet dwar il-Brexit. Intant, is-Segretarju David Davis li qed imexxi n-negozjati tar-Renju Unit biex joħroġ mill-UE, informa lid-deputati f’Londra li l-Gvern ‘kien qrib li jikkonkludi l-ewwel fażi ta’ taħditiet’ ma’ Brussell.
Dan waqt li l-Oppożizzjoni Laburista kritikat kif il-Gvern Konservattiv qed imexxi n-negozjati – bl-iżblokk importanti jibqa’ imdendel wara li l-Partit Unjonista Demokratiku (DUP) tal-Irlanda ta’ Fuq oġġezzjona għall-proposti tal-Brexit li jikkonċernaw lill-fruntiera Irlandiża. In-negozjati se jkomplu għall-kumplament tal-ġimgħa, bir-Renju Unit jittama li jilħaq il-fażi fejn jibdew it-taħditiet kummerċjali ma’ Brussell.
David Davis, illum, iddefenda l-proposta kontroversjali ‘għall-alinjament regolatorju’ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda. L-alinjament propost hu intenzjonat biex jevita l-ħtieġa għall-border checks wara l-Brexit, b’Davis jgħid li dan se japplika għar-Renju Unit kollu. Intant, xi deputati wissew li ‘ikunu qegħdin jaqsmu linja ħamra bil-bidliet regolatorji mill-UE wara l-Brexit’.
Ir-Renju Unit għandu jitlaq mill-UE f’Marzu tal-2019 b’riżultat tar-referendum storiku tas-sena l-oħra u l-Prim Ministru Theresa May trid tibda tfassal ftehim għar-relazzjonijiet kummerċjali ta’ Londra ma’ Brussell wara l-Brexit. Iżda hi, l-ewwel, trid turi li sar ‘biżżejjed progress fuq kwistjonijiet tad-divorzju’ qabel il-Mexxejja Ewropej jiltaqgħu fl-14 ta’ Diċembru. It-tliet issues ewlenin li jridu jkunu solvuti huma l-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq, id-drittijiet taċ-ċittadini u l-ħlas mir-Renju Unit biex jinħall mill-UE.
It-taħditiet bejn Theresa May u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, spiċċaw mingħajr ftehim, nhar it-Tnejn, wara li d-DUP ma aċċettax abbozz ta’ ftehim dwar il-futur tal-fruntiera Irlandiża. Il-kwistjoni hi dwar l-alinjament tar-regoli tal-Irlanda ta’ Fuq ma’ dawk tar-Repubblika Irlandiża u l-bqija tal-UE, bil-għan li ma jkunx stabbilit hekk-imsejjaħ ‘hard border’.
Il-Prim Ministru May teħtieġ l-appoġġ tad-DUP — li hu l-akbar partit fl-Irlanda ta’ Fuq u li għandu għaxar deputati f’Westminster — meta hi mgħandhiex il-maġġoranza biex tirbaħ il-voti fil-House of Commons ta’ Londra.
//= $special ?>

