Ir-Russja ġiet sospiża milli tikkompeti bħala tim fl-Olimpjadi tax-Xitwa li se jsiru s-sena d-dieħla, wara li l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali kkonferma dan.
Il-President tal-KOI Thomas Bach ikkonferma dan filgħaxija f’Lausanne u qal li l-atleti Russi se jkunu biss eliġibbli li jikkompetu taħt bandiera newtrali fil-Korea ta’ Isfel, simili bħal dawk l-atleti li pparteċipaw fl-aħħar Olimpjadi tas-sajf f’Rio s-sena l-oħra. Il-President tal-Kumitat Olimpiku Russu Alexander Zhukov qal li se jappellaw minn din is-sanzjoni.
Is-sospensjoni ħarġet wara investigazzjoni ta’ 17-il xahar li kienet immexxija mill-eks President Żvizzeru Samuel Schmid. L-investigazzjoni daħlet fid-dettall tal-kwistjoni li kien hemm dwar doping fl-Olimpjadi tax-xitwa fl-2014 f’Sochi, li fosthom wassal biex diversi rebbieħa ta’ midalji kienu sospiżi.
Riżultat ta’ din l-investigazzjoni, l-eks Ministru tal-Isport Russu Vitaly Mutko li issa hu l-Viċi Prim Ministru tar-Russja, kien sospiż minn kull parteċipazzjoni fil-Logħob Olimpiku fil-futur, flimkien mal-viċin tiegħu Yuri Nagornykh.
Dmitry Chernyshenko li kien il-Kap Eżekuttiv tal-Kumitat Organizzattiv tal-Olimpjadi f’Sochi tilef postu fil-kummissjoni tal-kordinazzjoni għall-Olimpjadi tal-2022 f’Beijing u Zhukov hu sospiż minn mebru tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.
Kull atleta Russu, se jkun jista’ jieħu sehem wara proċess fid-dettall li se jħallihom biss jikkompetu bħala ‘Atleti Olimpiċi’ mir-Russja b’uniformi bl-istess isem. Jekk xi ħadd minnhom jirbaħ midalja tad-deheb, jitilgħu fuq l-ogħla post fuq il-podju u jisimgħu l-innu tal-Logħob Olimpiku.
Bach qal li dan kien attakk bla preċedent fuq l-integrità tal-Logħob Olimpiku u l-isport. “Il-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali wara proċess, ħareġ sanzjonijiet proporzjonali għal din il-manipulazzjoni sistematika, filwaqt li tipproteġi l-atleti nodfa.”
Hu qal li dan l-episodju għandu jservi bħala katalist biex ikun hemm sistema aktar effettiva kontra d-doping taħt it-tmexxija tal-WADA. “Bħala atleta wkoll, jiddispjaċini għal dawk l-atleti nodfa mill-Kumitati Olimpiċi nazzjonali li qed isofru minn din il-manipulazzjoni.”
Bach kompla jgħid li b’ħidma mal-kummissjoni tal-atleti tal-KOI se jħarsu lejn opportunitajiet biex ipattu għal dawn il-mumenti li tilfu fil-linja finali jew fuq il-podju.
//= $special ?>